Identity Malta tixtieq tinforma lill-pubbliku b’aġġornamenti għall-politika dwar l-Specific Residence Authorisation (SRA) li kien nieda l-Gvern fl-2018. L-għan ta’ din il-politika kien li jieħu post it-Temporary Humanitarian Protection – New (THPN) li kien introdott fl-2010.

Il-benefiċjarji tat-THPN ingħataw l-opportunità li jiksbu l-SRA awtomatikament sakemm ikollhom xogħol stabbli u ma jkunux instabu ħatja ta’ reati serji. Dawn l-applikanti ser ikollhom l-istatus tagħhom imġedded jekk kemm-il darba jissodisfaw il-miżuri ta’ integrazzjoni li ddaħħlu fil-politika tal-2018.

Persuni li kellhom it-talba tagħhom għall-ażil u kienu qed jgħixu f’Malta qabel l-2016 ukoll ingħataw l-opportunità li jiksbu l-SRA. Dawk l-applikanti ġodda li jissodisfaw il-kriterji fil-politika tal-2018, inkluż kondotta tajba, xogħol stabbli, u sforz biex jintegraw fis-soċjetà Maltija, jinħarġilhom permess ta’ residenza, bil-possibiltà ta’ tiġdid.

Il-politika eżistenti qed tiġi aġġornata sabiex tiċċara kwistjonijiet li kienu inklużi fid-dokument oriġinali, partikolarment:

1. L-applikanti jridu jippreżentaw ċertifikat ta’ integrazzjoni maħruġ mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem. Applikanti li qed jistennew biex jibdew jew jispiċċaw il-kors tal-integrazzjoni xorta jistgħu jġeddu l-istatus tagħhom. Oħrajn li ma jkunux f’pożizzjoni li jpoġġu għal dan il-kors jistgħu jipprovdu rapport mid-Direttorat bħala alternattiva.

2. Applikanti li jinstabu ħatja ta’ reat kriminali u jeħlu tnax-il xahar priġunerija jiġu diskwalifikati milli jiksbu l-istatus. Dan jgħodd ukoll f’każi meta s-sentenza tkun waħda sospiża.

3. Il-membri tal-familja jistgħu jiksbu permess ta’ residenza wkoll fuq prinċipji simili għal dawk li jintużaw fil-leġiżlazzjoni Maltija dwar l-ażil sakemm il-membri tal-familja waslu Malta irregolarment qabel il-31 ta’ Diċembru 2015 ukoll. Konjugi, persuni f’relazzjoni stabbli u minuri li kienu f’Malta meta l-benefiċjarju wasal Malta rregolarment, u jagħtu prova li r-residenza tagħhom f’Malta kienet irreġistrata mal-awtoritajiet ikkonċernati, jistgħu japplikaw għall-SRA anke jekk ma jikkwalifikaw għal status fil-kapaċità personali tagħhom. Dan jgħodd ukoll għal dawk il-membri tal-familja li kienu qed jakkumpanjaw lill-benefiċjarju meta wasal f’Malta.

4. Il-politika aġġornata tpoġġi r-responsabbiltà fuq l-awtoritajiet ikkonċernati li jassistu persuni li ma jkunux eleġibbli għal SRA sabiex jirritornaw lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom volontarjament. Dawn jistgħu jiġu megħjuna permezz ta’ programmi ta’ ritorn assistit u volontarju maħsuba sabiex jiffaċilitaw rintegrazzjoni fil-pajjiż tal-oriġinu. Dan il-proċess ma jeskludix ritorn sfurzat fejn hu applikabbli.

Identity Malta mhux ser tkun qed taċċetta applikazzjonijiet ġodda għal SRA wara l-31 ta’ Diċembru 2020. Il-benefiċjarji tal-SRA ser ikunu jistgħu jġeddu l-status tagħhom skont il-politika aġġornata. Membri tal-familja tal-benefiċjarji tal-SRA li jilħqu l-kriterji tal-politika aġġornata ser jibqa’ jkollhom iċ-ċans li jiksbu l-SRA wara d-data msemmija, inkluż tfal li jitwieldu minn ġenituri li t-tnejn li huma jkunu benefiċjarji tal-SRA.

Il-politika aġġornata tinsab fuq is-sit elettorniku ta’ Identity Malta.