Firxa akbar fl-għażla tal-kunjom wara ż-żwieġ
Jitressqu għat-tieni qari l-emendi għall-Kodiċi Ċivili fir-rigward tal-għażla fil-kunjomijiet wara ż-żwieġ
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi llum ħabbru li fil-ġranet li ġejjin se jiġu mplimentati emendi għall-Kodiċi Ċivili, permezz tal-Att 23 tal-2017, fejn introduċew l-ugwaljanza taż-żwieġ u jindirizzaw kwistjonijiet oħra li jittrattaw iż-żwieġ.
Sfortunatament, dan l-att kien ipprovda wkoll għażla ta’ kunjomijiet li jistgħu jassumu l-konjugi maż-żwieġ, iżda din kienet għażla aktar ristretta li neħħiet l-għażliet li kienu disponibbli sa dakinhar.
Quddiem l-emendi imressqa għall-Kodiċi Ċivili, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat spjega kif il-koppji se jkollhom l-għażliet kollha possibbli meta jiġu biex jagħżlu l-kunjom wara ż-żwieġ.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat saħaq kif dawn l-emendi se jkomplu jsaħħu l-liġi taż-żwieġ ugwali għaliex huma primarjament intiżi sabiex jindirizzaw id-diskriminazzjoni li teżisti fl-għażla tal-kunjomijiet.
Minn barra li l-konjugi jistgħu jagħżlu li jżommu kunjomhom jew jieħdu l-kunjom tal-parti l-oħra u jwaqqgħu tagħhom, issa jistgħu jżidu l-kunjom tal-parti l-oħra ma’ tagħhom u f’liema ordni li jridu mingħajr ma jimponu fuq il-parti l-oħra biex tagħmel l-istess. Minkejja din il-flessibiltà, l-koppja trid taqbel fuq il-kunjom tal-familja li eventwalment trid tgħaddi lil uliedha. F’każ li l-konjugi jagħżlu li jkollhom l-istess kunjom, l-ulied futuri jrid ikollhom l-istess kunjom tal-għażla tal-ġenituri. L-emendi li tressqu ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn tfal li twieldu fiż-żwieġ u dawk li twieldu barra ż-żwieġ, anzi, dawn tal-aħħar se jkollhom għażla ikbar ta’ kunjomijiet milli għandhom preżentament. Fl-eventwalità li l-persuna li ser tiżżewweġ tkun iddivorzjata jew armla, din tista’ tagħżel li żżomm il-kunjom tat-twelid jew dak taż-żwieġ ta’ qabel fil-kompożizzjoni tal-kunjom il-ġdid.
“Għaliex irrid qabel xejn nenfasizza li l-istess għażla trid tkun disponibbli għal tfal imwielda barra miż-żwieġ. Nemmnu li m’għadux żmien li nagħmlu dawn id-distizjonijiet bejn l-ulied. L-ulied kollha għandhom ikunu ugwali f’familja, maħbuba bl-istess mod, u dan għandu jkun rifless anke fl-għażla tal-kunjom,” stqarr dan is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat.
Is-Sur Muscat spjega kif dawn l-emendi se japplikaw retrospettivament u kif il-koppji kollha miżżewġin se jkollhom l-opportunità biex fil-ħames snin li ġejjin ikunu jistgħu jbidlu kunjomhom skont l-emendi ppreżentati. Stqarr kif il-proċess biex wieħed ibiddel kunjomu skont l-emendi li tressqu se jkun wieħed faċli u mingħajr ebda burokrazija żejda. Infatti, dan it-tibdil jista jsir b’talba lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku minflok isir mal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. B’hekk il-proċess se jkun wieħed espedit u b’inqas spejjeż.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u Riformi Rosianne Cutajar saħqet li dan l-abbozz hu wieħed simboliku. Tenniet kemm hi sodisfatta ħafna li dawn l-emendi ma jħarsux biss lejn il-ħtiġijet ta’ koppji li deħlin għaż-żwieġ, iżda wkoll lejn dawk il-familji li jagħżlu li ma jiżżewġux. Permezz ta’ dawn l-emendi ġenituri li għandom wild barra miż-żwieg, issa jistgħu jagħtu l kunjom tagħhom bħal koppji oħra miżżewġin u b’hekk qed inqisu lil kulħadd indaqs.
Dan l-abbozz qed jiċċara wkoll illi l-minorenni wkoll, għandhom id-dritt illi jiddeterminaw għalihom infushom l-identità tal-ġeneru tagħhom. Qed nikkonfermaw illi fl-att tat-twelid stess, il-ġenituri jistgħu jagħżlu li ma jiddikjarawx is-sess tat-tarbija, biex meta dik it-tarbija tikber, tkun hi li tiddetermina l-identità tagħha.
Minn barra l-emendi għall-kunjomijiet, l-emendi se jagħmluha possibbli li korrezzjonijiet ta’ kull indikazzjoni zbaljata fl-atti jkunu jistgħu jsiru permezz ta’ talba lill-Qorti ta’ Reviżjoni tal-Atti Nutraili mingħajr il-bżonn li jsir rikors quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Filwaqt li bidla fil-ġeneru se tiġi riflessa taħt sess fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tal-individwu.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tenna li dan hu tassew Gvern li jisma’ u li tabilħaqq jemmen fl-ugwaljanza. “L-għażla firxa ta’ kunjomijiet ma’ tagħmilx distinzjoni bejn mara u raġel jew koppja omosesswali u eterosesswali,” ikkonkluda s-Sur Muscat.
Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar tenniet li permezz ta’ dawn l-emendi se nkunu qed inneħħu kull forma ta’ stigma fil-konfront ta’ wlied li jitwieldu barra miż-żwieġ.