Imniedi r-Rapport Annwali tal-Aġenzija Identity Malta għas-sena 2020. Qabża diġitali għall-pubbliku inġenerali fl-għoti tas-servizz pubbliku
Is-sena 2020 kienet is-sena li matulha l-Aġenzija Identity Malta għamlet qabża diġitali fejn jidħlu l-aktar servizzi mfittxija mill-klijenti. Minkejja li s-sena 2020 kienet ikkaratterizzata mill-pandemija COVID-19, ħidmet Identity Malta kompliet għaddejja permezz ta’ miżuri li ttieħdu fil-ħin sabiex kienu mħarsa kemm l-interessi tal-ħaddiema kif ukoll il-ħtiġijiet tal-klijenti. Dan ħareġ mir-Rapport Annwali li l-Aġenzija Identity Malta għadha kif nediet.
F’perjodu li matulu l-pariri li ngħataw kienu sabiex kemm jista’ jkun ikunu evitati li n-nies jiltaqgħu f’postijiet diversi, Identity Malta innutat żieda qawwija fit-talbiet ta’ servizzi diversi b’mod diġitali. Matul l-2020 it-Taqsima tal-Karta tal-Identità irreġistrat 76,754 talba għall-attivazzjoni tal-kont tal-eID. Dan kien ifisser żieda ta’ aktar minn 31,000 talba meta kkumparat mat-42,649 talba li kien hemm fl-2019. Bl-istess mod kien hemm żieda qawwija fit-talbiet sabiex ikun hemm bidla fil-password tal-eID u minn 91,390 fl-2019 telgħu għal 139,464 fl-2020. Dan kollu jfisser li n-nies fittxew aktar is-servizzi tal-Gvern online.
Kif wieħed jista’ jistenna kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-applikazzjonijiet għal tiġdid jew ħruġ ta’ passaporti ġodda, u minn 51,210 passaport li nħarġu fl-2019 niżlu għal 18,834 fl-2020. Fl-istess waqt, it-Taqsima Ċentrali tal-Viża assistiet mijiet ta’ barranin li nqabdu f’Malta minħabba r-restrizzjonijiet tas-safar. Minkejja l-impatt, mhux it-taqsimiet kollha raw dan it-tnaqqis fl-attività, infatti t-Taqsima tar-Riċerka baqgħet għaddejja kważi bl-istess ritmu.
It-tnedija tal-pjattaforma online sabiex applikazzjonijiet għas-Single Permit ikunu sottomessi hemm intlaqgħet tajjeb, tant li kienu sottomessi 6,954 applikazzjoni filwaqt li kien hemm 3,990 employer li rreġistra fuq din is-sistema. B’riżultat ta’ din il-pjattaforma diġitali u s-sistema elettronika t’appuntamenti, il-klijent qiegħed jinqeda aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Komunitajiet Alex Muscat innota li din l-Aġenzija wieġbet għas-sejħa importanti ta’ sens ta’ dover lejn il-pajjiż sabiex il-klijenti kollha tagħha jibqgħu jinqdew. Innota wkoll li din l-Aġenzija hija essenzjali hekk kif kull individwu, b’xi mod jew ieħor jiġi bżonn is-servizzi mogħtija, bħal per eżempju fit-twelid, mewt jew żwieġ ta’ dak li jkun. Appella li t-triq ‘il quddiem għal din l-Aġenzija għandha tkun strateġija ċara, ibbażata fuq dak li trid twettaq għall-benefiċċju tal-Maltin, l-Għawdxin u l-barranin li jgħixu hawn.
Min-naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Anton Sevasta semma l-kisbiet li din l-aġenzija kellha matul din is-sena, li kienet differenti minn tant snin oħra. Fakkar, fost l-oħrajn, bil-pjattaformi diġitali tas-Single Permit u tan-notifikazzjonijiet tal-mewt u t-twelid, kif ukoll għall-emendi legali li daħlu fis-seħħ li għamluha possibbli biex ikun hemm firxa ikbar t’għażla għal kunjom wara żwieġ u għall-użu tal-ittri bil-Malti fl-ismijiet. Fakkar kif wara t-tnedija ta’ Passaport Malti ġdid, Identity Malta nediet Karta tal-Identità ġdida b’għadd ta’ elementi ta’ sigurtà ġodda li jagħmilha ferm diffiċċli biex tiffalsifika. It-tnedija tal-karta tal-identità ġdida u l-premju prestiġjuż li rebaħ il-passaport Malti għall-aqwa dokument fir-reġjun, huma xhieda tal-impenn tal-Aġenzija Identity Malta fejn tidħol il-ħarsien tal-identità tal-persuna, tenna s-Sur Sevasta.
Tista taqra r-rapport hawn.