Issa tista’ tirreġistra isem Malti bil-karattri Maltin
Ġanni kien l-ewwel isem Malti irreġistrat fuq is-sistema elettronika tar-Reġistru Pubbliku.
Mill-lum, ir-reġistrazzjoni t’isem ta’ tarbija tista’ issir bl-użu tal-karattri tal-lingwa Maltija, ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Kommunitajiet Alex Muscat, bl-ewwel isem Malti rreġistrat fuq is-sistema elettronika tar-Reġistru Pubbliku jkun Ġanni.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat saħaq fuq l-importanza tal-preservazzjoni tal-lingwa Maltija, li tiġbor fiha l-identità u storja ta’ poplu maż-żminijiet, biex inkomplu nagħtuha l-ħajja u tikber.
Qabel, meta l-insinwa kienet issir b’mod manwali bil-kitba, l-użu tal-karattri Maltin kien possibbli, iżda maż-żmien, il-proċess ġie diġitalizzat u l-programm użat ma kienx jippermetti dan. Illum, permess t’investiment li għamlet l-Aġenzija Identity Malta f’sistema ġdida tal-IT, il-ġenituri jistgħu jirreġistraw isem il-wild tagħhom bl-użu tat-tipa Maltija.
Il-Kap Eżekuttiv t’Identity Malta, is-Sur Anton Sevasta, spjega kif fil-jiem li ġejjin l-Aġenzija se tkun f’pożizzjoni li tibda tilqa’ talbiet għall-korrezzjonijiet minuri f’dan ir-rigward. L-emendi legali mresqa se jippermettu lil dawk li għandhom isem Malti rreġistrat ħażin biex b’sempliċiment talba quddiem id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jkunu jistgħu jagħmlu din il-korrezzjoni mingħajr il-bżonn ta’ rikors il-Qorti. B’hekk dan ifisser inqas spejjeż u burokrazija għall-applikanti. Dawk l-individwi li se jagħmlu din it-tip ta’ korrezzjoni se jinħarġilhom passaport (li se jkollu l-istess data ta’ l-iskadenza) u karta tal-identità ġdida mingħajr ebda ħlas. Ġaladarba jidħol dan is-servizz fis-seħħ, l-Aġenzija Identity Malta se tkun qed tavża lill-pubbliku inġenerali.