Regoli dwar ir-reġistrazzjoni u r-rikonoxximent tal-mewt

Aġġornata l-aħħar: 25/10/2022

X’inhi l-proċedura ta’ applikazzjoni li għandha tiġi segwita?

In-notifika ta’ mewt li seħħet f’Malta tista’ ssir minn kwalunkwe persuna billi żżur l-uffiċċji tar-Reġistru Pubbliku fl-Isptar Mater Dei, l-Imsida jew f’Binja Onda, Triq Aldo Moro, il-Marsa f’każ ta’ mewt f’Malta u fir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Triq ta’ Wara s-Sur, Victoria, Għawdex, jekk il-mewt seħħet f’Għawdex. In-notifika tista’ ssir ukoll bil-posta billi tintbagħat imejl fuq [email protected] jew online billi wieħed iżur is-sit elettroniku tal-Aġenzija Identità Malta https://identitymalta.com/ .

Id-dokumentazzjoni meħtieġa hija d-“Dikjarazzjoni għan-Notifika tal-Formola tal-Mewt”. Din il-Formola tista’ tinkiseb ukoll f’kopja stampata mill-uffiċċji tar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta fil-Marsa, fl-Isptar Mater Dei, l-Imsida u fir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Victoria. Aktar dokumentazzjoni meħtieġa biex titlesta notifika ta’ mewt tinkludi:

  • DH35 Ċertifikat tal-Mewt u l-kawża tagħha maħruġ mit-tabib mediku li jiċċertifika l-mewt;
  • Il-karta tal-identità tal-persuna deċeduta;
  • Il-Karta tal-Identità ta’ min jinnotifika l-mewt.

Tista’ tkun meħtieġa dokumentazzjoni oħra, skont l-istat ċivili tad-deċedut. Ma hemm l-ebda ħlas għal notifika ta’ mewt.

F’każijiet fejn in-notifikant/i jiddeċiedu li jużaw l-uffiċċji tar-Reġistru Pubbliku, il-Marsa jew fl-Isptar Mater Dei, l-Imsida jew ir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Victoria, l-uffiċjali tan-notifika tal-mewt jiggwidaw lin-notifikant tul il-proċess.

Dawk in-notifikanti li jiddeċiedu li jużaw is-servizz ta’ Notifika tal-Mewt tar-Reġistru Pubbliku online jew is-servizz postali jeħtieġ li jissottomettu l-Formola “Dikjarazzjoni għan-Notifika tal-Mewt” (li timtela online jekk in-notifika ser issir online) u d-DH 35 “Ċertifikat ta’ Mewt u l-kawża tagħha” maħruġ mit-tabib li jiċċertifika l-mewt, kif ukoll id-dokumenti ta’ identifikazzjoni ta’ min qed jagħmel in-notifika.

Hemm każijiet eċċezzjonali fejn il-proċess ta’ notifika tal-mewt ma jistax isir online. F’dan il-każ, in-notifikant għandu jżur l-Uffiċċji tar-Reġistru Pubbliku fil-Marsa, l-Isptar Mater Dei, l-Imsida jew ir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Victoria jekk il-mewt seħħet f’Għawdex.

In-notifikatur jiġi nfurmat permezz ta’ SMS jew imejl kif l-Att tal-Mewt jista’ jiġi rreġistrat.

F’każ ta’ mewt ta’ ċittadin Malti barra mill-pajjiż, tista’ ssir ukoll reġistrazzjoni tal-mewt permezz ta’ waħda mill-Missjonijiet/Ambaxxati ta’ Malta. L-applikant għandu jissottometti lill-Missjoni l-att oriġinali tal-mewt taċ-ċittadin Malti maħruġ mill-awtorità barranija kompetenti.

Barra minn hekk, l-applikanti jistgħu jżuru wkoll l-uffiċċji tar-Reġistru Pubbliku fil-Marsa jew fir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex f’Victoria biex jissottomettu personalment reġistrazzjoni tal-att barrani tal-mewt. Iċ-Ċertifikat tal-Mewt jista’ mbagħad jiġi ordnat mill-websajt tar-Reġistru Pubbliku www.certifikati.gov.mt

Dettalji ta’ kuntatt

L-Awtorità kompetenti responsabbli għall-proċedura hija:

Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta, Binja Onda, Triq Aldo Moro, Marsa MRS9065

imejl [email protected]  Tel: + 356 2590 4200.

Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Triq ta’ Wara s-Sur, Victoria, Għawdex VCT1335

imejl [email protected]  Tel: + 356 2215 6388.

Kif nista’ nipprova l-identità tiegħi?

Il-mezz aċċettat ta’ notifika huwa s-sottomissjoni ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni u l-firma tan-notifikant fuq id-dikjarazzjoni għan-notifika tal-mewt. Din il-firma tinġabar elettronikament meta n-notifikant imur personalment fl-Uffiċċji tar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta f’Binja Onda, Triq Aldo Moro, Marsa, fl-Isptar Mater Dei, fl-Imsida jew fir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Triq ta’ Wara s-Sur, Victoria, Għawdex jew b’firma meta n-notifika ssir online jew bil-posta. Dokumenti oħra, skont l-istat ċivili tad-deċedut, jistgħu jkunu meħtieġa biex issir in-Notifika tal-Mewt.

F’każijiet ta’ mewt ta’ ċittadin Malti li jseħħ barra mill-pajjiż, ir-reġistrazzjoni tal-mewt tiġi sottomessa permezz ta’ waħda mill-Missjonijiet/Ambaxxati ta’ Malta, jew direttament lill-Uffiċċji tar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta, Binja Onda, Triq Aldo Moro, il-Marsa, jew Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Triq ta’ Wara s-Sur, Victoria. Fiż-żewġ każijiet hija meħtieġa ittra li tikkonferma ċ-Ċittadinanza Maltija maħruġa mit-Taqsima taċ-Ċittadinanza, fi ħdan l-Aġenzija Komunità Malta.

X’għandi bżonn nipprovdi?

In-notifikant li jissottometti notifika tal-mewt għandu jimla u jiffirma l-Formola “Dikjarazzjoni għan-Notifika tal-Mewt”, jissottometti ċ-“Ċertifikat ta’ Mewt DH35” maħruġ mit-tabib li jiċċertifika l-mewt, u d-dokumenti ta’ identifikazzjoni rilevanti tal-persuna mejta. F’każijiet fejn il-mewt ta’ ċittadin Malti sseħħ barra mill-pajjiż, huwa meħtieġ l-Att tal-Mewt oriġinali maħruġ mill-awtorità kompetenti.

X’nista’ nagħmel f’każ li jkun hemm nuqqas ta’ qbil?

Fejn għal xi raġuni, id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jirrifjuta li jirreġistra kwalunkwe Att, jew meta persuna tiddikjara li hemm xi żball f’parti partikolari tal-Att tal-Mewt wara r-reġistrazzjoni, jista’ jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti kompetenti f’termini tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili (Kapitolu 16 tal-Liġijiet ta’ Malta), li jitlob lil dik il-Qorti tordna r-reġistrazzjoni tal-Att jew il-korrezzjoni tal-partikolari inkwistjoni.

Hemm xi tariffi għal dan il-proċess?

Ma jintalab l-ebda ħlas għal notifika ta’ mewt.

Kemm idum il-proċess u x’inhuma l-iskadenzi applikabbli?

Skont l-Artikolu 296 tal-Kodiċi Ċivili (Kapitolu 16 tal-Liġijiet ta’ Malta), l-avviż tal-mewt għandu jingħata mingħajr dewmien mit-tabib jew mill-kirurgu konxju tal-mewt ta’ kwalunkwe persuna f’Malta/Għawdex.

Barra minn hekk, l-Artikolu 297 tal-Kodiċi Ċivili (Kapitolu 16 tal-Liġijiet ta’ Malta) jistipula li fil-każ ta’ mewt ta’ kwalunkwe persuna li ma tkunx seħħet fil-preżenza ta’ tabib jew kirurgu, għandu jkun id-dmir tal-membri tal-familja, tal-impjegati domestiċi tal-mejjet jew tal-persuni li jokkupaw jew jamministraw id-dar/il-post fejn tkun seħħet il-mewt, li jagħtu avviż ta’ din il-mewt.

Skont l-Artikolu 305 tal-Kodiċi Ċivili (Kapitolu 16 tal-Liġijiet ta’ Malta), l-uffiċjal li jfassal att ta’ mewt għandu, fi żmien jumejn mit-tfassil tal-att, jagħti l-istess lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku għar-reġistrazzjoni.

X’nista’ nagħmel jekk il-mewt tibqa’ mhux irreġistrata?

F’każijiet fejn għal xi raġuni, id-Direttur jirrifjuta li jirreġistra kwalunkwe Att, l-utent jista’ jippreżenta applikazzjoni skont l-Artikolu 253 tal-Kodiċi Ċivili (Kapitolu 16 tal-Liġijiet ta’ Malta), fejn jitlob lill-Qorti kompetenti tirreġistra l-istess.

Il-proċess jista’ jsir b’liema lingwi?

Il-proċedura tista’ ssir bil-Malti u bl-Ingliż. L-oqsma kollha ta’ dokumentazzjoni, inklużi l-“Att tal-Mewt” u ċ-“Ċertifikat tal-Mewt” huma stampati bil-Malti u bl-Ingliż.

X’għandi nagħmel jekk ma nisma’ xejn mir-Reġistru Pubbliku?

Ir-Reġistru Pubbliku jipprovdi informazzjoni dwar il-progress tan-notifika u r-reġistrazzjoni tal-Att u d-disponibbiltà taċ-“Ċertifikat tal-Mewt” tad-deċedut meta dan jintalab min-notifikant.

Barra minn hekk, mis-sit https://certifikati.gov.mt/mt/Home fejn iċ-Ċertifikati tal-Mewt jistgħu jiġu ordnati online, tintbagħat risposta bil-posta elettronika lill-persuna li għamlet l-ordni, f’każ li ċ-Ċertifikat tal-Mewt ikun għadu mhux disponibbli.

Kummenti u Feedback

Din il-paġna għenitek? Għidilna jekk din l-informazzjoni hijiex ta’ għajnuna jew jekk hemmx modi li nistgħu ntejbuha. Segwi l-link hawn taħt:

Nixtieq inħalli feedback dwar din il-paġna

Irrapporta l-ostakli li nqalgħu waqt l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħek tas-suq intern

Sib għajnuna f’dan il-qasam

Your Europe Logo