Politika għar-rikonoxximent ta’ dokumenti pubbliċi barranin mir-Reġistru Pubbliku skont l-Artikolu 244 tal-Kodiċi Ċivili (Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta), l-Att dwar iż-Żwieġ (Kap 255 tal-Liġijiet ta’ Malta) u l-Artikolu 33 tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kap 255 tal-Liġijiet ta’ Malta)

Data tal-Pubblikazzjoni: PS.  3ta’ Jannar 2022.
L-aħħar aġġornament: m/a
Verżjoni: 1.0

 

Astratt

 

Ir-Reġistru Pubbliku jirreġistra u jirrikonoxxi dokumenti pubbliċi barranin, inklużi, iżda mhux limitati għar-reġistrazzjonijiet ta’ Atti ta’ Stat Ċivili barranin skont l-Artikolu 244 tal-Kodiċi Ċivili (Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta), il-pubblikazzjoni tat-Tnidijiet taż-Żwieġ ai termini tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kap 255 tal-Liġijiet ta’ Malta) u deċiżjonijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ Qorti barranija jew deċiżjonijiet jew atti uffiċjali oħra b’effett ekwivalenti ta’ awtorità kompetenti barranija dwar l-istatus ta’ persuna miżżewġa jew li jaffettwaw tali status, skont l-Artikolu 33 tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kap 255 tal-Liġijiet ta’ Malta).

 

Din il-politika tispeċifika r-rekwiżiti tar-Reġistru Pubbliku li jeħtieġ li jkunu sodisfatti qabel ma tiġi aċċettata reġistrazzjoni. Dawn jistgħu jinkludu dokumenti u traduzzjonijiet bil-Malti jew bl-Ingliż li jkunu apostillati/legalizzati jew akkumpanjati minn ċertifikat ta’ konsultazzjoni forensika skont l-oriġini tad-dokument.

 

Id-dokumenti kollha jinżammu u jiġu priżervati b’mod indefinit fl-Arkivji tar-Reġistru Pubbliku.

 

 

Il-Politika

 

1.0 Politika dwar ir-Rikonoxximent ta’ Dokumenti Pubbliċi Barranin

 

Din il-politika għandha tapplika għall-każijiet kollha fejn ir-Reġistru Pubbliku jkun meħtieġ jirreġistra u jirrikonoxxi dokumenti pubbliċi barranin, inklużi iżda mhux limitati għall-każijiet li ġejjin:

 

  1. Reġistrazzjonijiet ta’ Atti ta’ Stat Ċivili barranin skont l-Artikolu 244 tal-Kodiċi Ċivili (Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta);

 

  1. Kwalunkwe dokument pubbliku barrani li jista’ jkun meħtieġ għall-iskop ta’ applikazzjoni għall-pubblikazzjoni tat-Tnidijiet taż-Żwieġ skont l-Att dwar iż-Żwieġ (Kap 255 tal-Liġijiet ta’ Malta);

 

  1. Reġistrazzjonijiet ta’ deċiżjoni ta’ Qorti barranija jew deċiżjoni jew att uffiċjali ieħor b’effett ekwivalenti ta’ awtorità kompetenti barranija dwar l-istatus ta’ persuna miżżewġa jew li taffettwa tali status, skont l-Artikolu 33 tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kap 255 tal-Liġijiet ta’ Malta).

 

 

 

2.0 Dokumenti pubbliċi oriġinali jew kopji awtentikati

 

Id-dokumenti sottomessi sew minn pajjiżi tal-UE u sew minn pajjiżi barra l-UE jistgħu jkunu jew oriġinali jew kopji awtentikati. Fil-każ ta’ kopji awtentikati, dawn għandhom jinħarġu mill-istess awtorità kompetenti jew Qorti li tkun ħarġet id-dokument oriġinali.

 

Id-dokumenti kollha jinżammu indefinittivament u jiġu ppriservati fl-Arkivji tar-Reġistru Pubbliku.

 

Id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jaċċetta biss kopji oriġinali jew iċċertifikati ta’ dokumenti kif speċifikat hawn taħt:

 

  • Kopji oriġinali jew awtentikati ta’ dokumenti pubbliċi maħruġa mill-Unjoni Ewropea, m’għandhomx għalfejn jiġu apostillati jew legalizzati bis-saħħa tar-Regolament tal-UE 2016/1191 applikabbli mis-16 ta’ Frar 2019.

 

  • Kopji oriġinali jew awtentikati ta’ dokumenti pubbliċi maħruġa minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jiġu apostillati jew legalizzati.

 

L-oriġinali u l-kopji veri ċċertifikati ta’ dokumenti pubbliċi minn pajjiżi mhux tal-UE huma aċċettati wkoll jekk dawn ikunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ konsultazzjoni forensika.

 

 

3.0 Traduzzjonijiet (dokumenti tal-UE)

 

  • Id-dokumenti pubbliċi maħruġa mill-Istati Membri tal-UE li mhumiex bl- Ingliż jeħtieġ li jiġu tradotti għall-Malti jew għall-Ingliż. Il-Lista tat-‘Tradutturi’ tal-Aġenzija Identità Malta hija aċċessibbli fuq https://www.identitymalta.com/services/translators-list/

 

  • It-traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi kollha tal-UE magħmula f’Malta minn persuni rreġistrati fil-Lista tat-‘Tradutturi’ tal-Aġenzija Identità Malta ma jeħtiġux li jiġu apostillati jew legalizzati. Madankollu, it-traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi kollha tal-UE magħmula minn persuni rreġistrati fuq il-lista tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ta’ Malta li mhumiex fuq il-lista tat-‘Tradutturi’ tal-Aġenzija Identità Malta għandhom jiġu apostillati jew legalizzati. Ir-Reġistru provdut mit-Taqsima tal-Legalizzazjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ta’ Malta jinstab fuq il-portal https://signatories-legalisation.gov.mt/

 

  • It-traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi kollha tal-UE magħmula fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea minn tradutturi li jistgħu jiġu vverifikati fuq il-portal tal-UE https://e-justice.europa.eu/content_public_documents-551-en.do  huma aċċettati mir-Reġistru Pubbliku u m’għandhomx għalfejn jiġu apostillati jew legalizzati.

 

 

  • Ir-Reġistru Pubbliku jaċċetta wkoll dokumenti pubbliċi tal-UE akkumpanjati minn formola standard multilingwali bħala għajnuna għat-traduzzjoni.

 

 

4.0 Traduzzjonijiet (Dokumenti mhux tal-UE)

 

  • Id-dokumenti pubbliċi maħruġa minn Stati li mhumiex fl-UE u li mhumiex bl-Ingliż, jeħtieġ li jiġu tradotti għall-Malti jew għall-Ingliż.

 

  • Traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi kollha maħruġa minn Stati li mhumiex fl-UE magħmula f’Malta minn persuni fuq il-Lista tat-‘Tradutturi’ tal-Aġenzija Identità Malta ma jeħtiġux li jiġu apostillati jew legalizzati. Madankollu, it-traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi kollha minn Stati li mhumiex fl-UE magħmula minn persuni fuq il-lista tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u li mhumiex fuq il-Lista tat-‘Tradutturi’ tal-Aġenzija Identità Malta, għandhom jiġu apostillati jew legalizzati. Ir-Reġistru pprovdut mit-Taqsima tal-Legalizzazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ta’ Malta jinstab fuq il-portal https://signatories-legalisation.gov.mt/

 

  • It-traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi kollha minn Stati li mhumiex fl-UE magħmula fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea minn tradutturi li jistgħu jiġu vverifikati fuq il-portal tal-UE https://e-justice.europa.eu/content_public_documents-551-en.do  huma aċċettati mir-Reġistru Pubbliku u m’għandhomx għalfejn jiġu apostillati jew legalizzati.

 

 

  • It-traduzzjonijiet kollha ta’ dokumenti pubbliċi kollha minn Stati li mhumiex fl-UE li jsiru barra minn Malta jew barra mill-UE, għandhom ikunu apostillati jew legalizzati.

 

Ladarba dawn ir-rekwiżiti jkunu ġew sodisfatti, l-att rispettiv jiġi rreġistrat u jingħata effetti ċivili daqslikieku ġie rreġistrat f’Malta.