L-Aġenzija Identità Malta tniedi r-Rapport Annwali għas-sena 2022

L-Aġenzija Identità Malta nediet ir-Rapport Annwali tagħha għas-sena 2022, fejn ġew immarkati l-kisbiet, statistika numerika li tirrifletti l-ħidma tal-aġenzija kif ukoll il-viżjoni għal futur.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Malta l-Kurunell Mark Mallia, stqarr li din il-ħidma ssarrfet f’kisbiet kbar għall-ħaddiema kollha, b’mod speċjali wara ż-żmien diffiċli li affaċċjajna minħabba l-pandemija COVID-19. “Għaddejna minn sentejn li offrew sfidi diversi iżda minkejja dan, is-sena 2022 bdiet iġġib magħha sens ta’ ottimiżmu u kuraġġ, u dan jirrifletti ċar fil-ħidma li għamlet l-aġenzija matul is-sena 2022,” qal il-Kap Eżekuttiv.

Il-Kap Eżekuttiv tenna li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet u l-miżuri relatati mal-pandemija ppreżentaw diffikultajiet u pressjonijiet ġodda għal xi wħud mit-taqsimiet tal-aġenzija. “Iżda r-rieda ta’ kull ħaddiem li niġbdu ħabel wieħed flimkien waslitna sabiex nerġgħu nibdew noperaw bl-akbar effiċjenza,” saħaq il-Kurunell Mallia.

Il-Kap Eżekuttiv ikkonkluda li ċ-ċifri ppubblikati fir-Rapport Annwali huma xhieda ta’ kemm il-ħidma u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema kienet mill-aktar essenzjali biex l-aġenzija tibqa’ tipprovdi l-aqwa servizz possibbli.

Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Uffiċċju tal-Passaporti ġew estiżi, għal perjodu li nkludew anke Ħdud. Dan bil-għan li jitnaqqas il-ħin ta’ stennija u tiġi provduta faċilità u flessibbilità fis-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet. Din il-ħidma kompliet bl-introduzzjoni ta’ Sistema ta’ Appuntamenti online għal servizzi li jintużaw frekwenti fejn il-klijent, bl-aktar mod faċli, jagħżel il-ġurnata u ħin komdi għalih sabiex jinqeda bis-servizz rikjest. Minn meta twaqqfet f’Marzu sa Diċembru tas-sena l-oħra, saru 106,970 (mija u sitt elef, disa’ mija u sebgħin) appuntament permezz ta’ din is-sistema.
It-Taqsima ta’ Sapport u Servizz għall-Klijent wieġbet ‘il fuq minn 69,000 (disgħa u sittin elf) telefonata u ftit inqas minn 119,508 (mija u dsatax-il elf, ħames mija u tmien) email minn Mejju sa Diċembru biss – b’Awwissu u Ottubru jkunu fost l-aktar xhur impenjattivi fejn twieġbu ‘il fuq minn 18,000 (tmintax-il elf) email f’xahar. Ix-xahar ta’ Awwissu kien ukoll l-aktar impenjattiv fin-numru ta’ telefonati mwieġba mit-Taqsima ta’ Sapport u Servizz għall-Klijent, bi kważi 15,000 (ħmistax-il elf) telefonata. Il-ħaddiema ta’ din it-Taqsima ltaqgħu direttament ma’ 768 klijent matul l-istess perjodu f’appuntamenti fl-Uffiċċju tal-Aġenzija fl-Imsida.

It-Taqsima tal-Compliance, li s-sena li għaddiet esperjenzat ukoll twessiegħ fir-responsabbiltajiet tagħha, irreġistrat żidiet sostanzjali fl-operat tagħha. Matul is-sena li għaddiet saru 40 spezzjoni, għamlet kważi 680 (sitt mija u tmenin) intervista filwaqt li solviet kważi mitejn każ.

Min-naħa tal-Identità Nazzjonali, l-Uffiċċju tal-Passaporti ħareġ kważi 67,000 passaport (66,980 passaport) matul is-sena 2022. L-uffiċċju rreġistra l-aktar xhur impenjattivi bejn Mejju u Awwissu, fejn f’Awwissu biss inħarġu aktar minn 11,500 (ħdax-il elf u ħames mitt) passaport ġdid.

It-Taqsima tal-Karta tal-Identità ukoll irreġistrat żieda fil-ħruġ tal-karti tal-identità ġodda. Matul l-2022 ħarġet ‘il fuq minn 42,000 Karta tal-Identità. (42,021 Karta tal-Identità). Numru ekwivalenti kien ukoll dak ta’ Kontijiet tal-eID ġodda attivati mill-istess Taqsima, b’madwar 41,210 kont tal-eID attivat. Din it-taqsima rreġistrat ukoll ‘il fuq minn 12-il miljun tranżazzjoni permezz tal-eID.

L-investiment diġitali tal-aġenzija kompla jissaħħaħ evidentament hekk kif talba għal kważi 60% taċ-Ċertifikati, li jinkludu ċertifikati tat-twelid, mewt u żwieġ, saru permezz tal-pjattaforma diġitali.

Matul is-sena li għaddiet 90% tat-twelid u aktar minn 60% tal-imwiet kienu rreġistrati fl-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku li jinsab fl-Isptar Mater Dei, u dan hekk kif minn sena għal oħra qed tkompli tiżdied it-talba għal dan is-servizz minn dan l-uffiċċju.

It-Taqsima tar-Riċerki rat ukoll ħidma intensiva matul is-sena 2022, b’aktar minn 206,000 (mitejn u sitt elef) ordni ta’ riċerka u ‘l fuq minn 84,000 (erbgħa u tmenin elf) nota pproċessata.
Il-Kap Eżekuttiv irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-aġenzija tax-xogħol siewi li qed jagħmlu u tal-impenn tagħhom sabiex jilqgħu kull sfida filwaqt li jkomplu joffru servizz eċċellenti u tal-aqwa kwalità.