L-Aġenzija Identity Malta tinforma lill-pubbliku inġenerali bl-aġġornamenti msemmija hawn taħt.

Hekk kif feġġet it-tifqigħa tal-Coronavirus f’pajjiżna, l-Aġenzija Identity Malta fasslet pjan ta’ kontinġenza fl-operat tagħha, li primarjament kien maħsub sabiex tipproteġi saħħet il-ħaddiema tagħha u tissalvagwardja s-saħħa pubblika, filwaqt li tkompli tipprovdi l-aqwa servizz possibbli lill-klijenti tagħha.

L-inizjattivi li ttieħdu matul il-pandemija wasslu sabiex 350 twelid u 100 imwiet ġew irreġistrati bil-posta, 210 koppji tneħħilhom il-ħlas tar-reġistrazzjoni taż-żwieġ pospost tagħhom, 480 professjonist mediku, inklużi professjonisti tal-kura tas-saħħa, kellhom is-single permit tagħhom awtomatikament estiż bi tliet xhur filwaqt li 1,440 karta tal-identità ġiet estiża awtomatikament sat-30 ta’ Ġunju. Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat saħaq li dawn l-inizjattivi jikkonfermaw l-impenn ta’ Identity Malta lejn il-kommunità tagħna.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta, s-Sur Anton Sevasta spjega kif l-aġenzija kellha tmexxi ‘l quddiem bosta pjanijiet tagħha, u li l-pjattaforma tas-single permit li tnediet ftit ilu, kif ukoll numru ta’ inizjattivi  oħra, huma parti mill-impenn diġitali li qed twettaq l-aġenzija.

L-Onor. Alex Muscat u s-Sur Anton Sevasta irringrazzjaw lill-ħaddiema ta’ Identity Malta għall-perseveranza u d-determinazzjoni  li wrew fit-tibdil li sar mil-lejl għan-nhar.

1. Il-ftuħ mill-ġdid tal-uffiċċju f’Mater Dei

Nhar it-Tnejn 8 ta’ Ġunju l-uffiċċju ta’ Identity Malta fl-isptar Mater Dei reġa’ fetaħ għall-pubbliku. Fil-ġimgħat li ġejjin Identity Malta se tkun qed tagħmilha possibbli biex tali reġistrazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru online.

2. Tneħħija tal-miżata tar-reġistrazzjoni ta’ żwieġ

Koppji li jipposponu d-data taż-żwieġ tagħhom minħabba l-pandemija mhumiex se jintalbu l-ħlas sabiex jirreġistraw id-data l-ġdida tagħhom.

3. Tiġdid tal-karti tal-identità ta’ ċittadini Maltin

L-Avviż Legali 143 tal-2020 se jibqa’ fis-seħħ u l-karti tal-identità Maltin li skadew jew waslu biex jiskadu se jibqgħu validi sat-30 ta’ Ġunju 2020. Dawk li l-karta tal-identità tagħhom skadiet jew waslet biex tiskadi jistgħu jew iġeddu d-dokument ta’ identifikazzjoni issa jew inkella wara t-30 ta’ Ġunju 2020.

4. Espatrijati

  • Single Permits ġodda

Id-deċiżjoni tal-Gvern Malti li ma joħroġx permessi ta’ residenza jekk mhux għal ħaddiema highly skilled (Key Employee Initiative) u professjonisti tas-saħħa, inkluż live-in carers, se tibqa’ tgħodd sakemm jinħareġ avviż ieħor.

  • Pjattaforma diġitali tas-Single Permit

Applikazzjonijiet ġodda għall-ħaddiema highly skilled (Key Employee Initiative) u professjonisti tas-saħħa, tiġdid jew bdil ta’ xogħol għandhom jiġu sottomessi online fuq https://singlepermit.gov.mt/, la darba min iħaddem ikun irreġistra għas-servizz tal-applikazzjoni online.

  • Professjonisti tas-saħħa

Professjonisti tas-saħħa li s-single permit tagħhom wasal biex jiskadi issa jistgħu japplikaw sabiex dan jiġi estiż b’sena fuq https://singlepermit.gov.mt/, la darba min iħaddem ikun irreġistra għas-servizz tal-applikazzjoni online. Professjonisti tas-saħħa li kellhom is-single permit tagħhom estiż awtomatikament bi tliet xhur għandhom japplikaw sabiex dan jiġi estiż b’sena hekk kif l-estensjoni tal-permess tiskadi.

Live-in carers li qed japplikaw għall-ewwel darba għas-single permit jew biex iġeddu l-permess tagħhom għandhom jibagħtu imejl fuq singlepermit.ima@gov.mt biex jagħmlu appuntament u jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom.

  • Permessi interim

Applikanti li jinħtieġ li jestendu l-permess interim tagħhom għandhom jibqgħu jibagħtu t-talba tagħhom lil extensions.ima@gov.mt u għandhom jitolbu konferma permezz tal-imejl. Applikanti tas-single permit li jeħtieġu estenzjoni tal-permess intermi għandhom jibagħtu t-talba tagħhom lil singlepermit.ima@gov.mt u għandhom jitolbu konferma permezz tal-imejl.

  • Membri tal-familja ta’ ċittadini terzi u Permess Temporanju ta’ Residenza

Membri tal-familja ta’ ċittadini li ġejjin minn pajjiżi terzi u applilanti għal Permess Temporanju ta’ Residenza għandhom jibagħtu t-talba tagħhom għal applikazzjoni ġdida jew ta’ tiġdid lil noneu.ima@gov.mt. Talbiet għal estensjonijiet għandhom ukoll jintbagħtu lil noneu.ima@gov.mt.

  • Ċittadini tal-UE, EEA jew Svizzeri

Ċittadini tal-UE, EEA jew Svizzeri kif ukoll l-qraba tagħhom għandhom ikomplu jibagħtu t-talba tagħhom biex jirreġistraw ir-residenza tagħhom jew sabiex iġeddu d-dokument ta’ residenza lil  eu.ima@gov.mt.

  • Ċittadini tar-Renju Unit

Il-proċess sabiex jinħarġu dokumenti ta’ residenza ġodda lil ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu f’Malta se jerġa’ jibda mill-1 ta’ Lulju 2020 u se tkun qed titħabbar skeda ġdida ta’ kif se jkunu mqassma ż-żoni. Benefiċjarji tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jkunu mgħarrfa permezz ta’ ittra bil-posta li se tintbagħat fuq l-indirizz irreġistrat tagħhom. Mistoqsijiet dwar single permits għandhom jintbagħtu fuq brexit.ima@gov.mt.

  • Ftuħ mill-ġdid tal-uffiċċju tal-Espatrijati f’Ħal Far

Nhar it-Tnejn 8 ta’ Ġunju l-uffiċċju ta’ Identity Malta f’Ħal Far reġa’ fetaħ.  Mistoqsijiet b’rabta mas-servizzi mogħtija fl-uffiċċju ta’ Ħal Far għandhom jintbagħtu lil intl.protection.ima@gov.mt jew permezz tat-telefon fuq +356 2590 4841/2.

  • Customer Care tat-Taqsima tal-Espatrijati

Kuntatt mal-customer care tal-espatrijati jista’ jsir permezz tat-telefon fuq +356 2590 4800 jew permezz ta’ imejl lil ereseidence.ima@gov.mt. Mistoqsijiet dwar single permits għandhom jintbagħtu fuq singlepermit.ima@gov.mt.

5. It-taqsima tal-Viża

It-taqsima tal-Viża se terġa’ tibda bl-operat sħiħ tagħha la darba jitneħħew ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar fl-1 ta’ Lulju 2020. L-uffiċċju reġa’ beda jiftaħ fil-ħinijiet normali, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8:00 u s-14:00. Il-pubbliku huwa mitlub sabiex jagħmel appuntament qabel fuq visa.ima@gov.mt. Kuntatt mas-sezzjoni tal-viża jista’ jsir permezz tat-telefon fuq in-numru +356 2590 4550  jew permezz ta’ imejl fuq  visa.ima@gov.mt.

6. Reġgħu bdew l-interviews ta’ konjuġi barranin b’rabta maċ-ċittadinanza Maltija

Interviews b’rabta ma’ applikazzjonijiet għal ċittadinanza Maltija bbażata fuq żwieġ minn konjuġi barranin reġgħu bdew isiru.

7. Servizzi oħra

L-Uffiċċju tal-Passaporti, l-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku u t-Taqsima tal-Karta tal-Identità qed jaħdmu b’mod normali.

Fl-aħħarnett, il-pubbliku inġenerali huwa mitlub sabiex jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji, tibqa’ tinżamm id-distanza soċjali, jilbsu l-maskra jew il-visor u jużaw id-diżinfettant tal-idejn meta jżuru l-uffiċċji tagħna.