Ċittadinanza Maltija b’Naturalizzazzjoni u Reġistrazzjoni

Akkwist ta’ Ċittadinanza Maltija b’Naturalizzazzjoni

L-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija jistabbilixxi min jista’ jsir ċittadin ta’ Malta b’naturalizzazzjoni, kemm-il darba l-applikant jipproduċi raġunijiet b’saħħithom.

L-Artikolu 10 (1) tal-Kap. 188 jirregola l-akkwist ta’ ċittadinanza abbażi ta’ residenza f’Malta filwaqt li Artiklu 11 jirreferi għall-akkwist ta’ ċittadinanza Maltija fil-każ tal-minuri. Fl-aħħar mill-aħħar huwa l-Ministru responsabbli għall-affarijiet dwar ċittadinanza li għandu/għandha d-diskrezzjoni li jagħti/tagħti jew jirrifjuta/tirrifjuta l-applikazzjoni.

Sakemm l-applikant ikollu ‘l fuq minn tmintax-il (18) sena, individwu jista’ jissottometti applikazzjoni jekk ikun:

  • Persuna barranija jew persuna mingħajr ċittadinanza;
  • Għex f’Malta matul it-tnax (12)-il xahar immedjatament qabel id-data tal-applikazzjoni;
  • Kien residenti f’Malta għal perijodu aggregat ta’ mill-inqas erba’ (4) snin, matul is-sitt (6) snin li jippreċedu l-perijodu ta’ tnax (12)-il xahar imsemmija hawn fuq;
  • Persuna ta’ karattru tajjeb;
  • Ikollu għarfien adegwat tal-lingwa Maltija jew dik Ingliża *;
  • Ikun ċittadin denju għal Malta.

*Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal persuni ta’ età sħiħa, li iżda ma jkollhom kapaċità sħiħa li f’isem dik il-persuna qed tiġi sottomessa applikazzjoni bl-awtorizzazzjoni tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Volontarja).

Akkwist ta’ Ċittadinanza Maltija b’Reġistrazzjoni

Meta Malta saret stat Indipendenti fil-21 ta’ Settembru 1964, il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza stabilixxiet min għandu jirreġistra bħala ċittadin ta’ Malta taħt id-dispożizzjonijiet tal-istess Kostituzzjoni. Wara emendi fil-Liġi taċ-Ċittadinanza fis-sena 2000, id-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni bħala ċittadini ta’ Malta tneħħew mill-Kostituzzjoni u ġew inklużi fl-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188).

Nhar l-1 ta’ Awwissu 2007, daħlu bosta emendi oħra f’dan l-Att li għamluha possibbli biex it-tieni ġenerazzjoni ta’ Maltin u anke dawk li ġew fil-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom ikunu jistgħu jiksbu ċ-Ċittadinanza Maltija bir-Reġistrazzjoni.

Xi ħadd li huwa/hija:

  • Miżżewweġ/ġa ċittadin Malti u fid-data tal-applikazzjoni, għadu/ha miżżewweġ/ġa għal aktar minn ħames snin u jgħixu flimkien (Formola B);
  • Miżżewweġ/ġa ċittadin Malti, li fid-data tal-applikazzjoni, jkun/tkun għadu/ha miżżewweġ/ġa iżda sseparat/a de jure jew de facto minnu/ha, imma jipprova/tipprova li għexu flimkien għal mill-anqas ħames snin wara dak iż-żwieġ (Formola B);
  • L-armel/armla ta’ persuna li kienet ċittadina ta’ Malta fid-data tal-mewt, u li kienu ilhom miżżewġin għal mill-inqas ħames snin u kienu għadhom jgħixu flimkien (Formola B);
  • L-armel/armla ta’ persuna li kienet ċittadin ta’ Malta fid-data tal-mewt u li kieku ma kienx għall-mewt tiegħu/tagħha, l-koppja kienet tkun għadha miżżewġa għal mill-inqas ħames snin fid-data tal-applikazzjoni (Formola B);
  • L-armel/armla ta’ persuna, li, billi jkun miet/et qabel Malta saret Indipendenti fil-21 ta’ Settembru 1964, kien, li ma kienx għall-mewt tiegħu, isir ċittadin Malti (għall-fatt li kien twieled Malta minn ġenitur li wkoll twieled Malta jew li kien twieled barra minn missier u nannu patern imwielda Malta); il-koppja kienu għadhom jgħixu flimkien fid-data tal-mewt jew f’każ ta’ separazzjoni, de jure jew de facto, għexu flimkien għal mill-inqas ħames snin wara ż-żwieġ (Formola B);
  • Il-wild, li twieled qabel il-21 ta’ Settembru 1964, ta’ omm imwielda Malta u li saret, jew li kieku ma kienx għall-mewt tagħha, kienet issir, ċittadina ta’ Malta fil-21 ta’ Settembru 1964
    (Formola I);
  • Il-wild ta’ omm Maltija (li akkwistat iċ-ċittadinanza mat-twelid, b’Reġistrazzjoni jew
    b’Naturalizzazzjoni u li kienet ċittadina Maltija fit-twelid tal-wild) u li imwieled/twieldet barra minn Malta fil-21 ta’ Settembru, 1964 jew wara imma qabel l-1 t’Awwissu, 1989 (Formola I);
  • Kien/et ċittadin Malti u ma j/tikkwalifikax għall-akkwist taċ-ċittadinanza b’mod awtomatiku minħabba li m’għamilx sitt snin jgħix/tgħix barra minn Malta jew għax kien/et ċittadin Malti b’Reġistrazzjoni jew b’Naturalizzazzjoni (Ara s-sezzjoni dwar Ċittadinanza Doppja/Multipla) (Formola D);
  • Dixxendent dirett, it-tieni ġenerazzjoni jew ġenerazzjoni sussegwenti imwieled barra minn Malta, minn axxendenti mwieled/da Malta minn ġenitur li hu wkoll hu imwieled/da Malta. (Jekk id-dixxendent hu minuri, il-persuna li skont il-liġi għandha l-awtorità fuq il-minuri
    għandha tissottometti l-applikazzjoni). (Formola K/Formola M).