Ċittadinanza Maltija mat-Twelid

Meta Malta saret stat Indipendenti fil-21 ta’ Settembru 1964, il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza stabilixxiet min għandu jakkwista ċ-ċittadinanza awtomatikament mat-twelid. Id-dispożizzjonijiet relattivi tal-Kostituzzjoni dwar il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċittadinanza ġew imsaħħa fl-1965 bil-promulgazzjoni tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188). Aktar tard, fis-sena 2000, id-dispożizzjonijiet dwar il-kwistjonijiet ta’ ċittadinanza msemmija hawn fuq, tneħħew mill-kostituzzjoni u ġew inklużi fl-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188).

Mal-Indipendenza ta’ Malta, min sar awtomatikament ċittadin Malti?

Saru ċittadini Maltin mal-Indipendenza ta’ Malta biss jekk:

  • Twieldu Malta qabel il-21 ta’ Settembru tal-1964 u mill-anqas wieħed mill-ġenituri kien ukoll imwieled Malta; jew
  • Twieldu barra minn Malta imma l-missier u n-nannu patern kienu t-tnejn imweldin Malta; u
  • Sal-20 ta’ Settembru tal-1964 dak li jkun kien għadu ċittadin tar-Renju Unit u l-Kolonji.

Min akkwista awtomatikament iċ-Ċittadinanza Maltija mat-twelid, bejn il-21 ta’ Settembru 1964 u l-31 ta’ Lulju 1989?

Persuni li:

  • Twieldu Malta matul dan il-perijodu kemm-il darba missierhom, li ma kienx ċittadin Malti, kellu l-immunità diplomatika f’Malta; jew
  • Persuni li twieldu barra matul dan il-perijodu u fiż-żmien tat-twelid, il-missier kien  ċittadin Malti bi twelid, b’reġistrazzjoni jew b’naturalizzazzjoni. *

* Iċ-ċittadinanza Maltija m’għandhiex tingħadda lill-wild ta’ persuna li tkun akkwistat ċittadinanza Maltija permezz ta’ reġistrazzjoni abbażi tad-dixxendenza.

Min sar ċittadin Malti bit-twelid mill-1 t’Awwissu 1989 ‘il quddiem?

Persuni li twieldu nhar jew wara l-1 ta’ Awwissu 1989 li kienu:

  • Twieldu Malta u fit-twelid il-missier jew l-omm kien/et Malti/ja, jew kienu persuni li kienu qed igawdu minn moviment ħieles (li tfisser persuna mwielda Malta minn ġenituri li twieldu Malta qabel il-21 ta’ Settembru 1964) imma ma baqax Malti wara li emigra; jew
  • Twieldu barra minn Malta u fit-twelid tagħha, wieħed mill-ġenituri kien ċittadin Malti bit-twelid f’Malta, b’reġistrazzjoni jew b’naturalizzazzjoni. *

* Iċ-ċittadinanza Maltija m’għandhiex tingħadda lill-wild ta’ persuna li tkun akkwistat ċittadinanza Maltija permezz ta’ reġistrazzjoni abbażi tad-dixxendenza.