Reġistrazzjoni tan-Noti

It-Taqsima Legali fi ħdan ir-Riċerki (magħrufa wkoll bħala Preżentata) hija assenjata l-irwol importanti li tirċievi, tifli bir-reqqa u tirreġistra d-dokumenti kollha li jiġu ppreżentati min-Nutara jew jintbagħtu mill-Qorti kif stipulat fil-liġi (fosthom fl-Att dwar ir-Reġistru Pubbliku, Il-Kodiċi Ċivili, Il-Kodiċi dwar l-Organizazzjoni u l-Proċedura Ċivili, l-Att dwar il-Professjoni Notarili u l-Arkivji Notarili, l-Ordinanza dwar Sustanzi Perikolużi u għadd ta’ liġijiet anċillari oħra).

Il-klijenti ta din is-sezzjoni jikkonsistu f’nutara, avukati u prokuraturi legali. Il-pubbliku ġenerali ma jagħmilx użu minn dan is-servizz, peress li hija l-persuna legali li fl-aħħar mill-aħħar tikteb u tirreġistra dawn l-atti fiż-żmien stipulat bil-liġi u skont il-mudelli provduti mill-liġijiet msemmija aktar ‘il fuq. Barraminhekk, huwa kruċjali li wieħed jinnota li n-nutar jislet l-aktar punti bażiċi tal-att, jiġborhom f’dik li tissejjaħ in-nota u jdaħħal din tal-aħħar għar-reġistrazzjoni, aktar milli l-att innifsu. In-nota tista’ tkun ta’ Trasferiment, Ipoteka, Referenza, Mandat, jew dwar atti oħra. Rwol ieħor importanti ta’ din is-sezzjoni jikkonsisti fl-approvazzjoni legali (permezz ta’ firma) tar-riċerki kollha dwar l-involviment ta’ persuni fit-trasferiment ta’ propjeta u ċ-ċertifikati tar-riċerki testamentarji, ċertifikati tad-dekontroll, ċertifikati tal-valutazzjoni tal-art u atti dwar Stat Ċivili.