Reġistrazzjoni taż-Żwieġ

Aġġornata l-aħħar: 21/07/2022

Il-koppji għandhom jagħmlu appuntament mar-Reġistru Pubbliku talinqas tliet (3) xhur qabel id-data taż-żwieġ billi jidħlu https://pubregbooking.identitymalta.com/, iċemplu fuq  (+356) 2590 4240, jew jibagħtu imejl lil [email protected]. L-email trid tinkludi numru tat-telefon fejn ikun jista’ jsir kuntatt mal-koppja.

Ir-Reġistratur taż-Żwiġijiet għandu jingħata l-informazzjoni li ġejja:

  1. Il-knisja jew il-post fejn ikun se jsir iż-żwieġ;
  2. Id-data taż-żwieġ;
  3. Isem u kunjom is-saċerdot li se jamministra ċ-ċerimonja taż-żwieġ;
  4. Il-kunjom li l-konjuġi jkunu beħsiebhom jużaw wara ż-żwieġ inkluż l-isem tal-familja

Il-koppja għandha wkoll tipprovdi dan li ġej: 

  1. Ċertifikati tat-twelid verżjoni sħiħa (f’każ li l-applikanti ma jkollhomx it-twelid tagħhom irreġistrat fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta). Dan għandu jkun appostillat jew legalizzat (jekk mhux ġej mill-Unjoni Ewropea); 
  2. Dokumenti tal-identità u fotokopji tagħhom;
  3. Fotokopja tad-dokumenti tal-identità tax-xhieda; 
  4. Dokumenti oħra skont il-każ.

Għaxart (10) ijiem qabel id-data taż-żwieġ, il-koppja għandha tiġbor żewġ (2) kopji tal-Att taż-Żwieg u kopja (1) taċ-Ċertifikat tat-Tnidijiet. Dawn id-dokumenti għandhom jiġu ppreżentati lill-kappillan tal-post fejn tkun se ssir iċ-ċerimonja taż-żwieġ. 

Wara l-quddiesa taż-żwieġ, il-koppja għandha tiffirma ċ-Ċertifikat taż-Żwieġ flimkien max-xhieda u mas-saċerdot li jkun amministra s-Sagrament taż-Żwieġ.  Dan iċ-ċertifikat għandu jiġi rritornat lura mill-aktar fis, mill-istess saċerdot, lir-Reġistru Pubbliku għar-reġistrazzjoni.

Ċittadini Maltin li beħsiebhom jiżżewġu persuni barranin jew persuni li għexu barra mill-pajjiż għal perijodu ta’ żmien, jintalbu jippreżentaw dokumentazzjonijiet oħra sabiex jawtentikaw l-applikazzjoni tagħhom. 

Il-koppji li jkunu se jiżżewġu f’Għawdex għandhom japplikaw għat-tnidijiet taż-żwieġ tagħhom fir-Reġistru taż-Żwieġ, Victoria, Għawdex.

Iż-żwiġijiet jistgħu jsiru abbord vapuri tal-passiġġieri rreġistrati f’Malta u f’każijiet bħal dawn huwa rakkomandabbli li tikkuntattja lit-Taqsima tar-Reġistru taż-Żwieġ għal gwida.

Artikolu 15(1) tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kapitolu 255 tal-liġijiet tà Malta) tirrikjedi li; ‘15.(1) Żwieġ ċivili għandu jsir fil-preżenza tar-Reġistratur, jew ta’ uffiċjal tar-Reġistru taż-Żwieġ awtorizzat mir-Reġistratur biex ikun uffiċjal li quddiemu jsiru iż-żwiġijiet, u tax-xhieda meħtieġa b’dan l-Att.’.

Regolamenti dwar ir-reġistrar għaż-żwieg u r-rikonoxximent taż-żwieġ

Aġġornata l-aħħar: 21/07/2022

X’inhi l-proċedura li wieħed irid jimxi magħha?

Ir-Reġistru Pubbliku jirċievi applikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ tnidijiet taż-żwieġ bejn tliet xhur u sitt ġimgħat qabel id-data taċ-ċerimonja tat-tieġ. Il-koppji għandhom jikkuntattjaw lis-Sezzjoni tar-Reġistrazzjoni taż-Żwieġ tar-Reġistru Pubbliku, il-Marsa f’każ li ż-żwieġ ikun se jsir  f’Malta u r-Reġistru Pubbliku, Victoria, Għawdex f’każ li ż-żwieġ ikun se jsir  f’Għawdex. Mas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, l-koppja trid tipprovdi informazzjoni dwar id-data taż-żwieġ, il-post taż-żwieġ, ir-rit li bih se jsir iż-żwieġ, jippreżentaw dokumenti u jieħdu l-ġuramenti u affidavits neċessarji. Iċ-ċertifikati originali jinżammu kollha mir-Reġistru Pubbliku sabiex tkun tista issir ir-reġistrazzjoni.

Il-koppji għandhom jagħmlu appuntament mar-Reġistru Pubbliku talinqas tliet (3) xhur qabel id-data taż-żwieġ billi jidħlu https://pubregbooking.identitymalta.com/, iċemplu fuq  (+356) 2590 4240, jew jibagħtu imejl lil [email protected]. L-email trid tinkludi numru tat-telefon fejn ikun jista’ jsir kuntatt mal-koppja.

Koppji li huma ċittadini Maltin u jirrisjedu f’Malta jridu jippreżentaw il-karta tal-identità oriġinal kif ukoll kopja tal-karta tal-identita’ tagħhom u tax-xhieda.

Jekk ix-xhieda ma jkunux Maltin imma jirrisjedu lokalment, għandhom jippreżentaw kopja tal-Karta ta’ Residenza flimkien ma’ kopja tal-passaport tagħhom. Il-koppja għandha wkoll tipprovdi isem iċ-ċelebrant jekk ikunu se jiżżewġu fi knisja, kif ukoll il-kunjom li l-koppja tkun se tieħu wara ż-żwieġ u l-isem tal-familja li se jadottaw.

Fil-każ li xi ħadd mill-miżżewġin jew it-tnejn li huma kienu jirrisjedu barra minn Malta għal aktar minn 12-il xahar, hija meħtieġa dikjarazzjoni ġuramentata li huma liberi biex jiżżewġu.

Jekk xi ħadd mill-miżżewġin jew it-tnejn li huma kienu jirrisjedu barra minn Malta għal perjodu itwal, jinħtieġ Ċertifikat ta’ Stat Liberu mill-pajjiż fejn kienu qiegħdin jirrisjedu. Jekk fl-età ta’ 16-il sena xi ħadd mill-miżżewġin kellu aktar min-nazzjonalità waħda, għandu jiġi ppreżentat  ċertifikat ta’ stat liberu u dikjarazzjoni terza skont il-każ.

Koppji li kienu miżżewġa qabel jew kienu f’unjoni ċivili jridu jippreżentaw Ċertifikat taż-Żwieġ/Ċertifikat ta’ Unjoni Ċivili, u ċertifikat ta’ divorzju, annullament jew mewt skont il-każ.

Iċ-ċertifikati jridu jkunu kollha tradotti għall-Malti jew l-Ingliż. Dokumenti ġejjin minn barra l-UE jridu jkunu appostillati jew legalizzati. Jekk ċertifikat oriġinali maħruġ minn stat membru tal-Unjoni Ewropeja mhux bil-Malti jew bl-Ingliż, tista jiġi pprezentata traduzzjoni multi-lingwali.

Il-koppja għandha timla l-Formola għat-Talba għall-Pubblikazzjoni tat-Tnidijiet taż-żwieġ għall-finijiet tal-Artiklu 7 (4) tal-Att taż-Żwieġ (Kap. 255) u d-Dikjarazzjoni taħt Artiklu 7(5) tal-Att taż-Żwieġ (Kap. 255) mal-Uffiċjal tar-Reġistru taż-Żwieġ. It-Tnidijiet jintwerew pubblikament għal 8 t’ijiem ta` xogħol, 4 ġimgħat qabel id-data taż-żwieġ.

Wara li jkun għadda l-perjodu ta’ 6 ijiem mill-Pubblikazzjoni tat-Tnidijiet, ir-Reġistru taż-Żwieġ joħroġ iċ-Ċertifikat tat-Tnidijiet u żewġ Atti taż-Żwieġ lill-koppja. F’każ ta’ żwieġ reliġjuż, l-għarajjes jiġbru ċ-Ċertifikat tat-Tnidijiet u ż-żewġ Atti taż-Żwieġ u dawn jgħadduhom lill-Kappillan tal-Parroċċa.  F’każ ta’ żwieġ ċivili, l-Att taż-Żwieġ jgħaddih l-uffiċjal li jkun se jmexxi iċ-ċerimoja dakinhar stess tat-tieġ.

La darba t-tieġ ikun ċelebrat, l-Att taż-Żwieġ jiġi ffirmat mill-koppja, mix-xhieda u mill-persuna li tkun mexxiet iċ-ċerimonja u jintbagħat lura lir-Reġistru taż-Żwieġ biex jiġi reġistrat. F’każ ta’ żwieġ reliġjuż, it-tieni kopja tal-Att taż-Żwieġ tinżamm mill-Kappillan tal-Parroċċa għar-rekords parrokkjali.

Meta iż-żwieġ ikun seħħ barra Malta, il-koppja tista’ tirreġistra ż-żwieġ billi tagħmel kuntatt ma’ rappreżentanza Maltija fil-pajjiż jew billi tippreżenta ċ-ċertifikat taż-żwieġ maħruġ minn awtorità kompetenti lill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku, il-Belt, Valletta, Malta, jew lir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Victoria, Għawdex. Dokumenti oħra jistgħu jkunu meħtieġa skont il-każ.

Dettalji ta ‘kuntatt

L-awtorità kompetenti responsabbli minn din il-proċedura huwa:

  • Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta, Onda Building, Aldo Moro Road, Marsa, MRS 9065.
  • Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Triq ta’ Wara s-Suq, Victoria Għawdex VCT1335.

Kif napprova l-identità tiegħi?

Il-mezzi aċċettati ta’ notifikazzjoni huma s-sottomissjoni tad-dokumenti  ta’ identifikazzjoni u l-firem. Il-firem jittieħdu elettronikament lill-applikant fis-Sezzjoni tar-Reġistrazzjoni taż-Żwieġ tar-Reġistru Pubbliku, il-Belt Valletta, Malta jew fir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Victoria, Għawdex. Dokumenti oħra, skont l-istat ċivili tal-koppja, jistgħu jeħtieġu s-sottomissjoni ta’ traduzzjoni multi-lingwali, jew jeħtieġu li jiġu postillati jew legalizzati. Affidavits jew Ġuramenti, meta meħtieġ, iridu jittieħdu skont kif provdut fl-Ordinanza Dwar il-Kummissjunarji b’Setgħa li Jagħtu Ġurament (Kap.79). F’każijiet fejn iż-żwieġ ikun sar barra mill-pajjiż, għandu jintbagħat ċertifikat taż-żwieġ maħruġ minn awtorità kompetenti.

X’jinħtieġ li nipprovdi?

Il-koppja li qed tapplika sabiex jingħaqdu fiż-żwieġ għandhom jipprovdu wkoll, minbarra t-talba għall-pubblikazzjoni tat-tnidijiet taż-żwieġ għall-finijiet ta’ Artikolu 7(4) tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kap. 255) u d-Dikjarazzjoni taħt Artikolu 7(5)  tal-Att taż-Żwieġ (Kap. 255), iċ-Ċertifikat tat-Twelid verżjoni sħiħa (sakemm dan ma jkunx diġà rreġistrat mar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta jew mar-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex) u ċertifikati ta’ Stat Liberu. Id-dokumenti ta’ identifikazzjoni oriġinali għandhom ukoll jiġu sottomessi.

F’dawk il-każijiet fejn iż-żwieġ ikun sar barra minn Malta, għandu jiġi preżentat ċertifikat taż-żwieġ maħruġ minn awtorità kompetenti sabiex jiġi reġistrat.

Biex tirreġistra żwieġ li jkun seħħ fi stat membru tal-UE, iċ-ċertifikat taż-żwieġ irid ikun oriġinali. Meta ċ-ċertifikat ma jkunx bil-lingwa Ingliża, formola  multi-lingwali tista’ tiġi ppreżentata bħala għajnuna għat-traduzzjoni.

Biex tirreġistra żwieġ li seħħ fi stat mhux membru tal-UE, l-applikant għandu jippreżenta ċertifikat oriġinali taż-żwieġ li għandu jkun legalizzat jew postillat. Jekk dawn id-dokumenti mhumiex bil-Malti jew bl-Ingliż għandha tiġi ppreżentata traduzzjoni uffiċjali.

Wara li d-dokumenti jiġu iċċekjati biex ikun ikkonfermat li r-rekwiżiti meħtieġa jkunu ntlaħqu u jiġu sotromessi wkoll dokumenti oħra mitluba skont il-każ, iż-żwieġ jiġi rreġistrat.

X’nista’ nagħmel f’każ li jkun hemm nuqqas ta’ ftehim?

Fejn, għal xi raġuni, d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jirrifjuta li jirreġistra t-tali Att, jew fejn il-persuna tindika li hemm xi ħaġa żbaljata fl-Att taż-Żwieġ wara li tkun saret ir-reġistrazzjoni, għandu jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qorti kompetenti skont it-termini mniżżla fil-Kodiċi Ċivili (Kap. 16 tal-Liġijiet ta’ Malta), u ssir talba lill-Qorti sabiex jew tordna r-reġistrazzjoni ta’ dak l-Att jew tordna l-korrezzjoni tal-informazzjoni li tkun żbaljata.

Skont Artikolu 8 tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kap 255 tal-Liġijiet ta’ Malta) jekk ir-Reġistratur huwa tal-opinjoni li ma jistax jipproċedi bil-pubblikazzjoni tat-tnidijiet jew ma jistax joħroġ ċertifikat tat-tali pubblikazzjoni, l-applikanti għandhom ikunu nfurmati. F’dan il-każ, xi ħadd mill-partijiet jista’ jitlob lill-Qorti kompetenti sabiex toħroġ ordni lir-Reġistratur sabiex jew jippubblika t-tnidijiet jew joħroġ ċertifikat tal-pubblikazzjoni tagħhom, skont il-każ.

Hemm xi tariffi għal din il-proċedura?

It-tariffi applikabbli huma kif ġej:

Tariffi taż-Żwieġ Ċivili Reġistru taż-Żwieġ Barra mir-Reġistru taż-Żwieġ
Iż-żewġ konjuġi jgħixu Malta €25.65 €51.30
Wieħed mill-konjuġi jgħix barra minn Malta €51.30 €76.95
Iż-żewġ konjuġi jgħixu barra minn Malta €76.95 €102.60

 

Tariffi taż-Żwieġ Reliġjuż
Iż-żewġ konjuġi jgħixu Malta €25.65
Wieħed/Iż-Żewġ konjuġi jgħixu barra minn Mlata €51.30
Reġistrazzjoni taż-Żwieġ €2.60

Kemm idum il-proċess biex jitlesta u x’inhuma l-iskadenzi applikabbli?

Il-koppja għandha tissottometti t-Talba għall-pubblikazzjoni tat-tnidijiet taż-żwieġ  għall-fini ta’ Artikolu 7(4) tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kap. 255),  u d-Dikjarazzjoni għall-fini ta’ Artikolu 7(5) tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kap. 255) u dokumentazzjonijiet neċessarji oħra bejn 3 xhur u 6 ġimgħat qabel id-data taż-żwieġ.  Ir-Reġistru taż-Żwieġ jippubblika t-tnidijiet 4 ġimgħat qabel id-data taż-żwieġ u dawn jintwerew pubblikament għal 8 t’ijiem ta` xogħol fl-Għases tal-Pulizija tal-lokalitajiet rispettivi taż-żewġ għarajjes u fir-Reġistru Pubbliku. Wara li jkun għadda l-perjodu ta’ 6 ijiem mill-Pubblikazzjoni tat-Tnidijiet, ir-Reġistru taż-Żwieġ joħroġ iċ-Ċertifikat tat-Tnidijiet u żewġ Atti taż-Żwieġ. F’każ ta’ żwieġ reliġjuż, wara li jkunu għaddew is-6 ijiem, l-għarajjes jiġbru ċ-Ċertifikat tat-Tnidijiet u ż-żewġ Atti taż-Żwieġ qabel isir iż-żwieġ. Dawn jgħadduhom lill-Kappillan tal-Parroċċa fejn ikun ser isir iż-żwieġ.

X’nista’nagħmel jekk iż-żwieġ tiegħi jibqa’ ma jiġix irreġistrat?

F’każijiet fejn għal xi raġuni, id-Direttur jirrifjuta li jirreġistra kwalunke Att, l-applikant jista’ jissottometti applikazzjonijiet skont it-termini ta’ Artikolu 253 tal-Kodiċi Ċivili (Kap. 16), u jitlob lill-Qorti kompetenti biex jirreġistra li jkun meħtieġ.

F’liema lingwi ssir din il-proċedura?

Din il-proċedura tista’ ssir bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Id-dokumentazzjoni kollha għandha tkun bil-Malti u/jew bl-Ingliż.

X’nagħmel jekk ma nisma’ xejn mingħand ir-Reġistru Pubbliku?

Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta jagħti informazzjoni dwar il-progress meta din tintalab mill-koppja. Informazzjoni tista’ tingħata billi jsir kuntatt mar-Reġistru taż-Żwieġ permezz ta’ imejl fuq [email protected] jew permezz tat-telefon +356 25904240 jew mir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, imejl: [email protected] jew permezz tat-telefon +356 2215 6383.

Liġijiet u regolamenti rilevanti

Kodiċi Ċivili, Kapitolu 16 tal-Liġijiet ta’ Malta

Regolamenti dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sħubiji u rikonoxximent tagħhom

Aġġornata l-aħħar: 21/07/2022

X’inhi l-proċedura li wieħed irid jimxi magħha?

Ir-Reġistru Pubbliku jirċievi applikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ Tnidijiet bejn tliet xhur u sitt ġimgħat qabel id-data taċ-ċerimonja tal-unjoni ċivili. L-imsieħba għandhom jirrikorru fis-Sezzjoni tar-Reġistrazzjoni taż-Żwieġ tar-Reġistru Pubbliku, il-Marsa f’każ ta’ unjoni ċivili f’Malta u r-Reġistru Pubbliku, Victoria Għawdex jekk l-unjoni ċivili tkun se ssir f’Għawdex.

Il-koppji għandhom jagħmlu appuntament mar-Reġistru Pubbliku talinqas tliet (3) xhur qabel id-data tal-unjoni ċivili billi jidħlu https://pubregbooking.identitymalta.com/, iċemplu fuq  (+356) 2590 4240, jew jibagħtu imejl lil [email protected]. L-email trid tinkludi numru tat-telefon fejn ikun jista’ jsir kuntatt mal-koppja.

Meta japplikaw, is-sħab tal-unjoni ċivili għandhom jipprovdu informazzjoni dwar id-data tal-unjoni ċivili, il-post fejn se ssir l-unjoni ċivili, jippreżentaw dokumenti u jieħdu l-ġuramenti u affidavits neċessarji. Iċ-ċertifikati originali jinżammu kollha mir-Reġistru Pubbliku sabiex tkun tista issir ir-reġistrazzjoni.

Imsieħba li huma ċittadini Maltin u jirrisjedu f’Malta jridu jippreżentaw il-karta tal-identità oriġinali kif ukoll kopja tal-karta tal-identita’ tagħhom u tax-xhieda.

Jekk ix-xhieda ma jkunux Maltin, imma jirrisjedu lokalment, għandhom jippreżentaw il-Karta ta’ Residenza, flimkien ma’ kopja tal-passaport. L-imsieħba għandhom ukoll jipprovdu l-kunjom li l-imsieħba jkunu se jieħdu wara l-unjoni ċivili.

Fil-każ li xi ħadd mill-imsieħba jew it-tnejn li huma kienu jirrisjedu barra minn Malta għal aktar minn 12-il xahar, hija meħtieġa dikjarazzjoni ġuramentata li huma liberi biex jidħlu f’unjoni ċivili.

Jekk xi ħadd mill-imsieħba jew it-tnejn li huma kienu jirrisjedu barra minn Malta għal perjodu itwal, jinħtieġ Ċertifikat ta’ Stat Liberu mill-pajjiż fejn kienu qiegħdin jirrisjedu. Jekk fl-età ta’ 16-il sena xi ħadd mill-imsieħba kellu aktar min-nazzjonalità waħda, għandu jiġi ppreżentat  ċertifikat ta’ stat liberu u dikjarazzjoni terza skont il-każ.

Koppji li kienu miżżewġa qabel jew kienu f’unjoni ċivili jridu jippreżentaw Ċertifikat taż-Żwieġ/Ċertifikat ta’ Unjoni Ċivili, u ċertifikat ta’ divorzju, annullament jew mewt skont il-każ.

Iċ-ċertifikati jridu jkunu kollha tradotti għal Malti jew l-Ingliż. Dokumenti ġejjin minn barra l-UE jridu jkunu appostillati jew legalizzati. Jekk ċertifikat maħruġ minn stat membru tal-Unjoni Ewropeja mhux bil-Mlati jew bl-Ingliż, tista jiġi pprezentata traduzzjoni multi-lingwali.

L-imsieħba għandha timla l-Formola għat-Talba għall-Pubblikazzjoni tat-Tnidijiet għall-Unjoni Ċivili  għall-finijiet tal-Artiklu 7(4) tal-Att taż-Żwieġ (Kap.255) u d-Dikjarazzjoni taħt Artiklu 7(5) tal-Att taż-Żwieġ (Kap. 255), għall-finijiet tal-Artiklu 4 tal-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili (Kap.530) mal-Uffiċjal tar-Reġistru taż-Żwieġ. It-Tnidijiet jintwerew pubblikament għal 8 t’ijiem ta` xogħol, 4 ġimgħat qabel id-data tal-Unjoni Ċivili.

Wara li jkun għadda l-perjodu ta’ 6 ijiem mill-Pubblikazzjoni tat-Tnidijiet, ir-Reġistru taż-Żwieġ joħroġ iċ-Ċertifikat tat-Tnidijiet.  L-Att tal-Unjoni Ċivili jittieħed mill-Uffiċjal tar-Reġistru Pubbliku fil-ġurnata li tkun se ssir l-Unjoni Ċivili.  Meta tiġi ċelebrata l-Unjoni Ċivili, l-Att tal-Unjoni Ċivili jiġi ffirmat mill-koppja, ix-xhieda u l-persuna li tkun se tmexxi ċ-ċeremonja dakinhar stess tal-Unjoni Ċivili, u jiġi meħud lura fir-Reġistru taż-Żwieġ biex jiġi rreġistrat.

F’każijiet ta’ ċittadini Maltin li l-unjoni ċivili tagħhom issir barra minn Malta, l-imsieħba jistgħu jirreġistraw l-unjoni ċivili permezz ta’ rappreżentanza Maltija jew billi tjssottomettu ċertifikat tal-Unjoni Ċivili maħruġ minn awtorità kompetenti lill-Uffiċċji tar-Reġistru Pubbliku, il-Marsa, Malta jew ir-Reġistru Pubbliku Għawdex, Victoria, Għawdex.  . Dokumenti oħra jistgħu jkunu meħtieġa skond il-każ.

Dettalji ta ‘Kuntatt

L-awtorità kompetenti responsabbli minn din il-proċedura huwa:

  • Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta, Onda Building, Aldo Moro Road, Marsa, MRS 9065.
  • Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Triq ta’ Wara s-Suq, Victoria Għawdex VCT1335.

Kif napprova l-identità tiegħi?

Il-mezzi aċċettati ta’ notifikazzjoni huma s-sottomissjoni tad-dokumenti  ta’ identifikazzjoni u l-firem. Il-firem jittieħdu elettronikament lill-applikant fis-Sezzjoni tar-Reġistrazzjoni taż-Żwieġ tar-Reġistru Pubbliku, il-Marsa, Malta jew fir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Victoria, Għawdex.

Dokumenti oħra, skont l-istat ċivili tal-koppja, jistgħu jeħtieġu s-sottomissjoni ta’ traduzzjoni multi-lingwali, jew jeħtieġu li jiġu postillati jew legalizzati. Affidavits jew Ġuramenti, meta meħtieġ, iridu jittieħdu skont kif provdut fl-Ordinanza Dwar il-Kummissjunarji b’Setgħa li Jagħtu Ġurament (Kap.79).

F’każijiet fejn l-unjoni ċivili jkun sar barra mill-pajjiż, u dan ikun qiegħed jiġi preżentat għall-skop ta’ reġistrazzjoni, għandu jintbagħat ċertifikat tal-Unjoni Ċivili maħruġ minn awtorità kompetenti. Dan irid ikun tradott għall-Malti jew l-Ingliż.  Biex tirreġistra unjoni ċivili li jkun seħħ fi stat membru tal-UE, ċertifikat multi-lingwali jista’ jiġi ppreżentat bħala għajnuna għat-traduzzjoni.

X’jinħtieġ li nipprovdi?

L-imsieħba li qed japplikaw sabiex jingħaqdu f’unjoni ċivili għandhom jipprovdu, talba għall-pubblikazzjoni ta’ tnidijiet tal-Unjoni Ċivili għall-finijiet tal-artiklu 7(4) tal-Att taż-Żwieġ (Kap. 255) u d-Dikjarazzjoni għall-finijiet ta-Artiklu 7(5) tal-Att taż-Żwieġ (Kap. 255), it-tnejn applikabbli taħt Artiklu 4 tal-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili (Kap.530)  iċ-Ċertifikati tat-Twelid verżjoni sħiħa (sakemm dawn ma jkunx diġà rreġistrati mar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta jew mar-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex) u ċertifikati ta’ Stat Liberu. Id-dokumenti ta’ identifikazzjoni oriġinali għandhom ukoll jiġu sottomessi.

F’dawk il-każijiet fejn l-Unjoni Ċivili tkun saret barra minn Malta, għandu jiġi ppreżentat ċertifikat tal-Unjoni Civili maħruġ minn awtorità kompetenti sabiex jiġi rreġistrat.

Biex tirreġistra unjoni ċivili li jkun seħħ fi stat membru tal-UE, iċ-ċertifikat ippreżentat tal-Unjoni Ċivili irid ikun oriġinali. Meta ċ-ċertifikat ma jkunx bil-lingwa Ingliża, formola  multi-lingwali tista’ tiġi ppreżentata bħala għajnuna għat-traduzzjoni.

Biex tirreġistra unjoni ċivili li seħħ fi stat mhux membru tal-UE, l-applikant għandu jippreżenta ċertifikat oriġinali tal-Unjoni Ċivili li għandu jkun legalizzat jew postillat. Jekk dawn id-dokumenti mhumiex bil-Malti jew bl-Ingliż għandha tiġi ppreżentata traduzzjoni uffiċjali.

Wara li d-dokumenti jiġu iċċekjati biex ikun ikkonfermat li r-rekwiżiti meħtieġa jkunu ntlaħqu u jiġu sottomessi wkoll dokumenti oħra mitluba skont il-każ, l-unjoni ċivili jiġi rreġistrat.

X’nista’ nagħmel f’każ li jkun hemm nuqqas ta’ ftehim?

Fejn, għal xi raġuni, d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jirrifjuta li jirreġistra t-tali Att, jew fejn il-persuna tindika li hemm xi ħaġa żbaljata fl-Att tal-Unjoni Ċivili wara li tkun saret ir-reġistrazzjoni, għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni quddiem il-qorti kompetenti skont it-termini mniżżla fil-Kodiċi Ċivili (Kap 16. tal-Liġijiet ta’ Malta), u ssir talba lill-Qorti sabiex jew tordna r-reġistrazzjoni ta’ dak l-Att jew tordna l-korrezzjoni tal-informazzjoni li tkun żbaljata.

Skont Artiklu 8 tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kap 255 tal-Liġijiet ta’ Malta) jekk ir-Reġistratur huwa tal-opinjoni li ma jistax jipproċedi bil-pubblikazzjoni tat-tnidijiet jew ma jistax joħroġ ċertifikat tat-tali pubblikazzjoni, l-applikanti għandhom ikunu nfurmati.  F’dan il-każ, xi ħadd mill-partijiet li jixtiequ li jikkuntrattaw l-Unjoni Ċivili jistgħu jitolbu lill-Qorti kompetenti sabiex toħroġ ordni lir-Reġistratur sabiex jew jippubblika t-tnidijiet jew joħroġ ċertifikat tal-publikazzjoni tagħhom, skont il-każ.

Hemm xi tariffi għal din il-proċedura?

It-tariffi applikabbli huma kif ġej:

Tariffi tal-Unjoni Ċivili Reġistru taż-Żwieġ Barra mir-Reġistru taż-żwieġ
Iż-żewġ konjuġi jgħixu Malta €25.65 €51.30
Wieħed mill-konjuġi jgħix barra minn Malta €51.30 €76.95
Iż-żewġ konjuġi jgħixu barra minn Malta €76.95 €102.60
Reġistrazzjoni ta’ Unjoni Ċivili €2.60

 

Kemm idum il-proċess biex jitlesta u x’inhuma l-iskadenzi applikabbli?

L-imsieħba għandhom jissottomettu t-Talba għall-pubblikazzjoni tat-tnidijiet tal-unjoni ċivili  għall-fini ta’ Artiklu 7(4) tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kap. 255),  u d-Dikjarazzjoni għall-fini ta’ Artiklu 7(5) tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kap. 255) applikabbli b’ Artiklu 4 tal-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili (Kap 530), u dokumentazzjonijiet neċessarji oħra bejn 3 xhur u 6 ġimgħat qabel id-data tal-unjoni ċivili.  Ir-Reġistru taż-Żwieġ jippubblika t-tnidijiet 4 ġimgħat qabel id-data taż-żwieġ u dawn jintwerew pubblikament għal 8 t’ijiem ta` xogħol fl-Għases tal-Pulizija tal-lokalitajiet rispettivi tal-imsieħba u fir-Reġistru Pubbliku. Wara li jkun għadda l-perjodu ta’ 6 ijiem mill-Pubblikazzjoni tat-Tnidijiet, ir-Reġistru taż-Żwieġ joħroġ iċ-Ċertifikat tat-Tnidijiet. L-Att ta’ Unjoni Ċivili jittieħed mill-Uffiċjal tar-Reġistru Pubbliku fil-ġurnata tal-unjoni ċivili.  Wara ċ-ċeremonja, l-uffiċjal tar-Reġistru taż-Żwieg jieħu l-Att ta’ Unjoni Ċivili fir-Reġistru Pubbliku biex dan jiġi rreġistrat.

X’nista’nagħmel jekk l-unjoni ċivili tiegħi jibqa’ ma jiġix irreġistrat?

F’każijiet fejn għal xi raġuni, id-Direttur jirrifjuta li jirreġistra kwalunke Att, l-applikant jista’ jissottometti applikazzjonijiet skont it-termini ta’ Artiklu 253 tal-Kodiċi Ċivili (Kap. 16), u jitlob lill-Qorti kompetenti biex jirreġistra li jkun meħtieġ.

F’liema lingwi ssir din il-proċedura?

Din il-proċedura tista’ ssir bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Id-dokumentazzjoni kollha għandha tkun bil-Malti u/jew bl-Ingliż.

X’nagħmel jekk ma nisma’ xejn mingħand ir-Reġistru Pubbliku?

Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta jagħti informazzjoni dwar il-progress meta din tintalab mill-koppja. Informazzjoni tista’ tingħata billi jsir kuntatt mar-Reġistru taż-Żwieġ permezz ta’ imejl fuq [email protected] jew permezz tat-telefon +356 2590 4240 jew mir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, imejl: [email protected] jew permezz tat-telefon +356 2215 6383.

Liġijiet u regolamenti rilevanti

Kodiċi Ċivili, Kapitolu 16 tal-Liġijiet ta’ Malta

Att Dwar L-Unjonijiet Ċivili, Kapitolu 530 

Regolamenti rigward ir-reġistrazzjoni ta’ koabitazzjonijiet

Aġġornata l-aħħar: 26/11/2020

 X’inhi l-proċedura li wieħed irid jimxi magħha?

In-notifika ta’ koabitazzjoni tiġi proċessata la darba r-Reġistru Pubbliku jirċievi n-Nota ta’ Insinwa, Kuntratt ta’ koabitazzjoni u d-dokumentazzjoni annessa mal-kuntratt. Dawn id-dokument jintbagħtu lir-Reġistru Pubbliku jew mit-Taqsima tar-Riċerki tar-Reġistru Pubbliku jew jiġu ppreżentati direttament mill-applikant.

La darba l-proċess ikun komplut, Ċertifikat ta’ Koabitazzjoni jista’ jiġi ordnat mis-sit tar-Reġistru Pubbliku www.ċertifikati.gov.mt

 

Dettalji ta ‘Kuntatt

L-awtorità kompetenti responsabbli minn din il-proċedura huwa:

  • Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta, Onda Building, Aldo Moro Road, Marsa, MRS 9065.
  • Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Triq ta’ Wara s-Suq, ir-Rabat Għawdex VCT1335.

 

Kif napprova l-identità tiegħi?

Il-mezzi aċċettati ta’ notifikazzjoni hija s-sottomissjoni tan-Nota tal-Insinwa, Kuntratt ta’ koabitazzjoni u d-dokumentazzjoni annessa mal-kuntratt.

X’jinħtieġ li nipprovdi?

In-notifikazzjoni ta’ Koabitazzjoni tkun kompluta bin-Nota tal- Insinwa li tikkonferma li din ġiet reġistrata mar-Reġistru Pubbliku (Taqsima tar-Riċerki).Il-Kuntratt ta’ koabitazzjoni u d-dokumentazzjoni annessa mal-kuntratt iridu wkoll jiġu ppreżentati.

X’nista’ nagħmel f’każ li jkun hemm nuqqas ta’ ftehim?

Skont Artikolu 9 tal-Att dwar il-Koabitazzjoni (Kap.614 tal-Liġijiet ta’ Malta), il-koabitanti, wara li l-koabitazzjoni  tkun reġistrata, jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jagħmlu xi emendi jew korrezzjonijiet fl-att pubbliku tal-koabitazzjoni permezz ta’ att pubbliku sussegwenti bl-awtorizzazzjonital-Qorti kompetenti.

Hemm xi tariffi għal din il-proċedura?

M’hemm l-ebda tariffi mir-Reġistru Pubbliku sabiex tkun reġistrata koabitazzjoni.

Kemm idum il-proċess biex jitlesta?

Id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku joħroġ Ċertifikat ta’ Koabitazzjoni fi żmien għoxrin (20) ġurnata mid-data li l-koabitazzjoni tiġi insinwata mir-Reġistru Pubbliku (Taqsima tar-Riċerki).

 F’liema lingwi ssir din il-proċedura?

Din il-proċedura tista’ ssir bil-Malti u bl-Ingliż. Id-dokumentazzjoni kollha fiċ-Ċertifikat ta’ Koabitazzjoni tkun bil-Malti bi traduzzjoni għall-Ingliż.

X’nagħmel jekk ma nisma’ xejn mingħand ir-Reġistru Pubbliku?

Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta jagħti informazzjoni dwar il-progress tan-notifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ Nota ta’ Insinwa jew dwar iċ-Ċertifikat ta’ Koabitazzjoni meta din tintalab mill-koppja.

 

Liġijiet u regolamenti rilevanti

Kodiċi Ċivili, Kapitolu 16 tal-Liġijiet ta’ Malta

Att dwar Il-Koabitazzjoni, Kapitolu 571

Regoli rigward ir-reġistrazzjoni ta’ separazzjonijiet

Aġġornata l-aħħar: 01/04/2022

X’inhi l-proċedura li wieħed irid jimxi magħha?

Ir-reġistrazzjoni ta’ separazzjoni tiġi proċessata la darba r-Reġistru Pubbliku jirċievi awtomatikament in-Nota ta’ Insinwa. In-Nota ta’ Insinwa tintbagħat lir-Reġistru Pubbliku jew mit-Taqsima tar-Riċerki tar-Reġistru Pubbliku jew tkun ippreżentata mill-applikant. In-Nota ta’ Insinwa tiġi reġistrata mir-Reġistru Pubbliku.

Ir-Reġistru Pubbliku jiġi mgħarraf ukoll biex jirreġistra separazzjoni meta jirċievi awtomatikament sentenza ta’ separazzjoni finali maħruġa minn Qorti kompetenti Maltija

La darba l-proċess  ikun komplut, Ċertifikat ta’ Żwieġ jew Unjoni Ċivili jista’ jiġi ordnat mis-sit tar-Reġistru Pubbliku www.ċertifikati.gov.mt

Dettalji ta ‘Kuntatt

L-awtorità kompetenti responsabbli minn din il-proċedura hija:

  • Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta, Onda Building, Aldo Moro Road, Marsa, MRS 9065.
  • Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Triq ta’ Wara s-Suq, ir-Rabat Għawdex VCT1335.

Kif napprova l-identità tiegħi?

Il-mezz ta’ notifikazzjoni aċċettat huwa dak tas-sottomissjoni tan-Nota ta’ Insinwa.

X’jinħtieġ li nipprovdi?

Ir-reġistrazzjoni ta’ Separazzjoni tkun kompluta bin-Nota ta’ Insinwa li tikkonferma li din ġiet reġistrata mar-Reġistru Pubbliku (Taqsima tar-Riċerki).

X’nista’ nagħmel f’każ li jkun hemm nuqqas ta’ ftehim?

Il-konjuġi li sseparaw jew b’sentenza jew b’kunsens reċiproku, jistgħu fi kwalunkwe ħin jerġgħu jingħaqdu, u b’hekk itemmu l-effetti tas-separazzjoni, . F’każijiet ta’ rikonċiljazzjoni, il-partijiet jistgħu jagħżlu li jerġgħu lura għall-użu tal-kunjom tagħhom wara ż-żwieġ. Dan il-fatt għandu jiġi inkluż fin-nota ta’ insinwa rispettivament sabiex ir-Reġistru Pubbliku jieħu nota tiegħu.

Hemm xi tariffi għal din il-proċedura?

M’hemm l-ebda tariffi mir-Reġistru Pubbliku għal dan is-servizz. .

Kemm idum il-proċess biex jitlesta?

Reġistrazzjoni kompleta titlesta fi żmien tlett (3) ijiem.

F’liema lingwi ssir din il-proċedura?

Din il-proċedura tista’ ssir bil-Malti u bl-Ingliż. Id-dokumentazzjoni kollha fiċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jew iċ-Ċertifikat tal-Unjoni Ċivili tkun bil-Malti bi traduzzjoni għall-Ingliż.

X’nagħmel jekk ma nisma’ xejn mingħand ir-Reġistru Pubbliku?

Ir-Reġistru Pubbliku jagħti informazzjoni dwar il-progress tar-reġistrazzjoni tas-separazzjoni permezz ta’ Nota ta’ Insinwa meta din tintalab mill-koppja.

Barra minn hekk, iċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jew iċ-Ċertifikat tal-Unjoni Ċivili jista’ jiġi ordnat mis-sit elettroniku www.ċertifikati.gov.mt.

Liġijiet u regolamenti rilevanti

Kodiċi Ċivili, Kapitolu 16 tal-Liġijiet ta’ Malta

Regoli rigward ir-reġistrazzjoni ta’ divorzji

Aġġornata l-aħħar: 01/04/2022

 X’inhi l-proċedura li wieħed irid jimxi magħha?

Ir-Reġistru Pubbliku jkun notifikat biex jirreġistra divorzju meta jirċievi sentenza/digriet finali maħruġ/a awtomatikament mill-Qorti kompetenti Maltija. Reġistrazzjoni tista’ ssir ukoll meta r-Reġistru Pubbliku jkun notifikat minn kwalunkwe persuna li jippreżenta kopja legali tad-digriet/sentenza finali tad-divorzju.

Is-sentenza/digriet finali ta’ divorzju jiġi reġistrat mir-Reġistru Pubbliku u ssir annotazzjoni fl-Att taż-Żwieġ. Issir ukoll annotazzjoni oħra fl-Att taż-Żwieġ kemm-il darba fis-sentenza/digriet finali jkun indikat li wieħed mill-konjuġi se jerġa’ jagħmel użu mill-kunjom li kellu fit-twelid jew kunjom il-konjuġi ta’ qabel li jkun miet/mietet.

Ir-Reġistru Pubbliku jirreġistra wkoll divorzji li jkunu ġew sottomessi minn applikanti li d-divorzju tagħhom, ikun sar barra minn Malta.  F’dawn il-każijiet id-dokumentazzjoni rilevanti tiġi sottomessa għand rappreżentanza Maltija barra minn Malta billi jibagħtu d-dokumenti bil-posta jew permezz ta’ rappreżentant tal-applikant.

Biex tirreġistra divorzju li nġieb minn pajjiż Membru Stat tal-UE, l-applikant irid jissottometti d-Digriet jew Sentenza finali tal-Qorti Barranija jew Ċertifikat oriġinali tad-Divorzju u kopja vera taċ-Ċertifikat D180/Artikolu 39. Jekk dawn id-dokumenti ma jkunux bil-Malti jew bl-Ingliż, trid tiġi sottomessa traduzzjoni uffiċjali. Ċertifikati f’format internazzjonali huma aċċettati wkoll. Ċertifikati u sentenzi tad-divorzju f’dawn il-każijiet ma jinħtieġx li  jkunu legalizzati jew postillati.

Sabiex tirreġistra divorzju li nġieb f’pajjiż mhux Membru Stat tal-UE, l-applikant irid jissottometti  kopja vera postillata jew legalizzata tadDigriet jew Sentenza finali tal-Qorti Barranija jew taċ-Ċertifikat tad-Divorzju. Jekk dawn id-dokumenti ma jkunux bil-Malti jew bl-Ingliż għandha tiġi sottomessa traduzzjoni uffiċjali li trid ukoll tkun postillata jew legalizzata.

La darba d-dokumenti jiġu assessjati sabiex ikun stabbilit li ntlaħqu r-rekwiżiti, id-divorzju jiġi reġistrat fuq l-Att taż-żwieġ u dan jiġi aġġornat bl-annotazzjoni.

La darba l-proċess  ikun komplut, Ċertifikat ta’ Żwieġ ikun jista’ jiġi ordnat mis-sit tar-Reġistru Pubbliku www.ċertifikati.gov.mt

Dettalji ta ‘Kuntatt

L-awtorità kompetenti responsabbli minn din il-proċedura huwa:

  • Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta, Onda Building, Aldo Moro Road, Marsa, MRS 9065.
  • Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Triq ta’ Wara s-Suq, ir-Rabat Għawdex VCT1335.

Kif napprova l-identità tiegħi?

Il-mezz għar-reġistrazzjoni aċċettat huwa s-sottomissjoni tal-kopja legali tad-digriet/sentenza finali tad-divorzju. Applikanti  li jridu jirreġistraw id-divorzju tagħhom li nġieb minn pajjiż Membru Stat tal-UE, jridu jissottomettu wkoll iċ-Ċertifikat D180 jew Artikolu 39.

X’jinħtieġ li nipprovdi?

Ir-Reġistrazzjoni ta’ divorzju ssir meta r-Reġistru Pubbliku jirċievi d-digriet/sentenza finali tad-divorzju.  Applikanti li jridu jirreġistraw id-divorzju tagħhom li nġieb minn pajjiż Membru Stat tal-UE, jridu jissottomettu wkoll iċ-Ċertifikat D180 jew Artikolu 39.

X’nista’ nagħmel f’każ li jkun hemm nuqqas ta’ ftehim?

Ir-Reġistru Pubbliku jirreġistra s-sentenza/digriet finali tad-divorzju li ma jkunx soġġett iktar għall-appell.

Hemm xi tariffi għal din il-proċedura?

M’hemm l-ebda tariffi mir-Reġistru Pubbliku sabiex jiġi reġistrat divorzju.

Kemm idum il-proċess biex jitlesta?

Skont Artiklu 66A (4) tal-Kodiċi Ċivili (Kap. 16) il-qorti għandha, fid-digriet jew fis-sentenza tad-divorzju, tordna lir-Reġistratur tal-Qrati jinnotifika d-divorzju tal-partijiet fid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku fil-perjodu permess għal dan il-għan mill-istess qorti, sabiex dan id-divorzju jkun irreġistrat fir-Reġistru Pubbliku. Iż-żmien stmat għat-tlestija tar-reġistrazzjoni tad-Divorzju huwa ta’ tlett (3) ijiem.

F’liema lingwi ssir din il-proċedura?

Din il-proċedura tista’ ssir bil-Malti u bl-Ingliż. Id-dokumentazzjoni kollha fiċ-Ċertifikat taż-Żwieġ tkun bil-Malti bi traduzzjoni għall-Ingliż.

X’nagħmel jekk ma nisma’ xejn mingħand ir-Reġistru Pubbliku?

Ir-Reġistru Pubbliku jipprovdi informazzjoni dwar il-progress tan-notifikazzjoni u reġistrazzjoni divorzju meta din tintalab mill-applikanti.

Barra minn hekk, tista’ ssir ordni għaċ-ċertifikati mis-sit elettroniku www.ċertifikati.gov.mt.

Liġijiet u regolamenti rilevanti

Kodiċi Ċivili, Kapitolu 16 tal-Liġijiet ta’ Malta

Kummenti u Feedback

Għenitek din il-paġna? Għidilna jekk din l-informazzjoni hijiex ta’ għajnuna jew jekk hemmx modi kif nistgħu ntejbuha. Segwi l-link hawn taħt.

Nixtieq inħalli feedback dwar din il-paġna

Irrapporta l-ostakli li nqalgħu waqt l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħek tas-suq intern

Sib għajnuna f’dan il-qasam

Your Europe Logo