Ir-Reġistru Pubbliku

L-għanijiet ewlenin tar-Reġistru Pubbliku huma stabbiliti fl-Att dwar ir-Reġistru Pubbliku (Kap. 56), l-Att dwar iż-Żwieġ (Kap. 255), l-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili (Kap. 530), u l-Kodiċi Ċivili (Kap. 16), Sezzjoni 1 sa 306.

Ir-Reġistru Pubbliku twaqqaf nhar it-3 ta’ Awwissu tal-1889, għalkemm id-dokumenti miżmuma jmorru lura sal-1863. Id-dokumenti arkivjati fir-Reġistru Pubbliku jinkludu l-atti tat-twelid, adozzjoni, żwieġ, unjoni ċivili u mwiet.

Annotazzjonijiet fuq dawn l-atti jsiru wara li r-Reġistru Pubbliku jkun mgħarraf bis-sentenzi u d-digrieti tal-qorti.  Isiru fost oħrajn annotazzjonijiet fir-rigward ta’ separazzjonijiet, rikonċiljazzjonijiet, tibdil tal-ġeneru, leġittimazzjoni u rikonoxximenti.

Taqsima tal-Istat Ċivili u Assistenza lill-Pubbliku

Din it-taqsima hija responsabbli mill-ħruġ
ta’ kopji ta’ atti tat-twelid, żwieġ, unjoni
ċivili, mewt u adozzjoni rreġistrati f’Malta.

Toħroġ ukoll ċertifikati ta’ stat ħieles. Iċ-ċertifikati jistgħu jiġu ordnati mill-websajt www.certifikati.gov.mt Dan is-sit jipprovdi l-informazzjoni kollha biex jinkisbu ċertifikati eżistenti tal-istat ċivili, inklużi twelid, żwieġ, unjoni ċivili, mewt u ċertifikati ta’ stat ħieles.

Ċertifikati ordnati minn www.certifikati.gov.mt  jintbagħtu bil-posta jew jistgħu jinġabru mir-Reġistru Pubbliku, Onda Building, Aldo Moro Road, Marsa, MRS 9065.  Ir-Reġistru Pubbliku jipproċessa l-ordni fi żmien sitt (6) ijiem ta’ xogħol mid-data tas-sottomissjoni.

Iċ-Ċertifikati jistgħu wkoll jinkisbu direttament mit-taqsima tal-Istat Ċivili u Assistenza lill-Pubbliku, Onda Building, Aldo Moro Road, Marsa, MRS 9065. It-taqsima tal-Istat Ċivili u Assistenza lill-Pubbliku tipprovdi wkoll maċ-ċertifikati tat-twelid, żwieġ, unjoni ċivili, stat ċivili u mewt, formoli  multilingwali lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea biex jiġu ppreżentati lill-awtorità pubblika fi ħdan l-Unjoni.

Dawn jistgħu wkoll jiġu ordnati mill-websajt www.certifikati.gov.mt jew mir-Reġistru Pubbliku, Onda Building, Aldo Moro Road, Marsa, MRS 9065. Għall-fini ta’ traduzzjoni, tista’ timtela formola apposta b’lingwi differenti, minn din is-sezzjoni, għal kwalunkwe ċertifikat imsemmi hawn fuq, li tista’ tkun ippreżentata lil kwalunkwe awtorità fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Dawn ukoll jistgħu jitniżżlu direttament minn www.certifikati.gov.mt jew mit-Taqsima tal-Istat Ċivili u Assistenza lill-Pubbliku.

It-Taqsima tar-Reġistru taż-Żwieġ

Iż-żwieġ u l-unjoni ċivili li jsir f’Malta hu rregolat bid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar iż-Żwieġ, Kap. 255 tal-1975, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Awwissu 1975 u l-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili Kap. 530 li daħal fis-seħħ fl-14 ta’ April 2014

Iż-żewġ atti ġew emendati bl-Att XXIII tal-2017, b’effett mill-1 ta’ Settembru 2017. It-taqsima tar-Reġistru taż-Żwieġ twaqqfet fit-12 ta’ Awwissu 1975, fl-istess sena li fiha ġie ppromulgat l-Att dwar iż-Żwieġ. L-Atti msemmija hawn fuq jirregolaw iż-żwiġijiet u l-unjonijiet ċivili kollha li jsiru f’Malta.

It-taqsima tar-Reġistru taż-Żwieġ tirċievi talbiet għall-pubblikazzjoni ta’ tnidijiet għal żwiġijiet u unjonijiet ċivili f’Malta.

L-applikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni tat-tnidijiet taż-żwieġ jew unjoni ċivili jintlaqgħu bejn tliet (3) xhur u sitt (6) ġimgħat qabel id-data taż-żwieġ jew unjoni ċivili. It-taqsima tar-Reġistru taż-Żwieġ toffri wkoll is-servizz ta’ kamra għaż-żwieġ, fejn jistgħu jsiru ċ-ċerimonji taż-żwiġijiet ċivili u unjonijiet ċivili.

It-taqsima toffri wkoll informazzjoni lil ċittadini Maltin li se jiżżewġu persuna barranija.

Żwiġijiet

Il-proċess tal-formalitajiet tat-tħejjija għaż-żwieġ huma:

i. Żwiġijiet Reliġjużi

Il-koppji huma mitluba jibbukkjaw appuntament ma’ wieħed mill-Uffiċjali tar-Reġistru taż-Żwieġ billi jidħlu f’din il-link, jibagħtu imejl fuq [email protected] jew iċemplu għal appuntament fuq (+356) 2590 4240 talinqas tliet (3) xhur qabel id-data taż-żwieġ tagħhom. L-imejl għandha tinkludi numru tat-telefon fejn il-koppja tkun tista’ tiġi kkuntattjata.

Ir-Reġistratur taż-Żwiġijiet għandu jingħata l-informazzjoni li ġejja:

  1. Il-knisja jew il-post fejn ikun se jsir iż-żwieġ;
  2. Id-data taż-żwieġ;
  3. Isem u kunjom is-saċerdot li se jamministra ċ-ċerimonja taż-żwieġ;
  4. Il-kunjom li l-konjuġi jkunu beħsiebhom jużaw wara ż-żwieġ inkluż l-isem tal-familja.

Il-koppja għandha wkoll tipprovdi dan li ġej:

  1. Ċertifikati tat-twelid (f’każ li l-applikanti ma jkollhomx it-twelid tagħhom irreġistrat fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta). Dan għandu jkun appostillat jew legalizzat (jekk mhux ġej mill-Unjoni Ewropea);
  2. Dokumenti tal-identità u fotokopji tagħhom;
  3. Fotokopja tad-dokumenti tal-identità tax-xhieda;
  4. Dokumenti oħra skont il-każ.

Għaxart (10) ijiem qabel id-data taż-żwieġ, il-koppja għandha tiġbor żewġ (2) kopji tal-Att taż-Żwieg u kopja (1) taċ-Ċertifikat tat-Tnidijiet. Dawn id-dokumenti għandhom jiġu ppreżentati lill-kappillan tal-post fejn tkun se ssir iċ-ċerimonja taż-żwieġ.

Wara l-quddiesa taż-żwieġ, il-koppja għandha tiffirma ċ-Ċertifikat taż-Żwieġ flimkien max-xhieda u mas-saċerdot li jkun amministra s-Sagrament taż-Żwieġ.  Dan iċ-ċertifikat għandu jiġi rritornat lura mill-aktar fis, mill-istess saċerdot, lir-Reġistru Pubbliku għar-reġistrazzjoni.

Ċittadini Maltin li beħsiebhom jiżżewġu persuni barranin jew persuni li għexu barra mill-pajjiż għal perijodu ta’ żmien, jintalbu jippreżentaw dokumentazzjonijiet oħra sabiex jawtentikaw l-applikazzjoni tagħhom.

Il-koppji li jkunu se jiżżewġu f’Għawdex għandhom japplikaw għat-tnidijiet taż-żwieġ tagħhom fir-Reġistru taż-Żwieġ, Victoria, Għawdex.

ii. Żwiġijiet Ċivili

It-taqsima tar-Reġistru taż-Żwieġ tipprovdi wkoll servizzi għal żwiġijiet ċivili. Il-koppji li jagħżlu żwieġ ċivili għandhom jagħmlu kuntatt mill-inqas tliet (3) xhur qabel id-data taż-żwieġ.

Il-koppji huma mitluba jċemplu għal appuntament fuq (+356) 2590 4240 jew jibagħtu imejl fuq [email protected] mill-inqas tliet (3) xhur qabel id-data taż-żwieġ, sabiex jagħmlu appuntament.  L-imejl għandha tinkludi numru tat-telefon fejn tista’ tiġi kkuntattjata l-koppja.

Iż-żwieġ ċivili jista’ jsir fir-Reġistru taż-Żwieġ kif ukoll f’post pubbliku ieħor diġà approvat mir-Reġistratur taż-Żwiġijiet.

Ir-Reġistratur taż-Żwiġijiet għandu jingħata l-informazzjoni li ġejja:

  1. Il-post fejn ikun se jsir iż-żwieġ;
  2. Id-data taż-żwieġ;
  3. Il-kunjom li l-konjuġi jkunu beħsiebhom jużaw wara ż-żwieġ inkluż l-isem tal-familja.

Il-koppja għandha tipprovdi:

  1. Ċertifikati tat-twelid (f’każ li l-applikanti ma jkollhomx it-twelid tagħhom irreġistrat fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta). Dan għandu jkun apostillat jew legalizzat (jekk mhux ġej mill-Unjoni Ewropea);
  2. Dokumenti tal-identità u fotokopji tagħhom;
  3. Fotokopja tad-dokumenti tal-identità tax-xhieda;
  4. Dokumenti oħra skont il-każ.

Il-formoli li hemm bżonn biex taċċessa s-servizzi ta’ din it-taqsima huma;

  • Talba għall-finijiet tal-Artikolu 7(4) tal-Att dwar iż-Żwieġ
  • Dikjarazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 7(5) tal-Att dwar iż-Żwieġ

Iż-żwiġijiet jistgħu jsiru fuq bastimenti tal-passiġġiera rreġistrati f’Malta. Koppji li jixtiequ jiċċelebraw iż-żwieġ tagħhom b’dan il-mod għandhom ikellmu t-taqsima tar-Reġistru taż-Żwiġijiet.

Qabel ma tissottometti kwalunkwe dokument pubbliku barrani għall-applikazzjoni għall-pubblikazzjoni tat-tnidijiet, huwa importanti li tirrevedi l-link li ġejja għal gwida.

Unjoni Ċivili

Tliet (3) xhur qabel id-data tal-unjoni ċivili, l-imsieħba għandhom jippreżentaw talba għall-pubblikazzjoni tat-tnidijiet tal-unjoni ċivili fit-Taqsima tar-Reġistru taż-Żwieġ. L-imsieħba huma mitluba jibbukkjaw appuntament ma’ wieħed mill-Uffiċjali tar-Reġistru taż-Żwieġ billi jidħlu f’din il-link, jibagħtu imejl fuq [email protected] jew iċemplu għal appuntament fuq (+356) 2590 4240. L-imejl għandha tinkludi numru tat-telefon fejn il-koppja tkun tista’ tiġi kkuntattjata.

L-unjoni ċivili tista’ ssir fir-Reġistru taż-Żwieġ kif ukoll f’post pubbliku ieħor diġà approvat mir-Reġistratur taż-Żwiġijiet.

Ir-Reġistratur taż-Żwiġijiet għandu jingħata l-informazzjoni li ġejja:

  1. Il-post fejn ikun ser issir l-unjoni ċivili;
  2. Id-data tal-unjoni ċivili;
  3. Il-kunjom li l-imsieħba jkunu beħsiebhom jużaw wara l-unjoni ċivili inkluż l-isem tal-familja.

Is-sħab fl-unjoni ċivili għandhom jipprovdu:

  1. Ċertifikati tat-twelid (f’każ li l-applikanti ma jkollhomx it-twelid tagħhom irreġistrat fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta). Dan għandu jkun appostillat jew legalizzat (jekk mhux ġej mill-Unjoni Ewropea);
  2. Dokumenti tal-identità u fotokopji tagħhom;
  3. Fotokopja tad-dokumenti tal-identità tax-xhieda;
  4. Dokumenti oħra skont il-każ.

Ħamest (5) ijiem qabel id-data tal-Unjoni Ċivili, il-koppja għandha tikkuntattja lit-taqsima tar-Reġistru taż-Żwieġ.

Il-koppji li jkunu se jidħlu f’Unjoni Ċivili, f’Għawdex, għandhom japplikaw għat tnidijiet tagħhom fir-Reġistru taż-Żwieġ, Victoria, Għawdex.

Il-formoli li hemm bżonn biex taċċessa s-servizzi ta’ din it-taqsima huma;

  • Applikazzjoni għall-finijiet ta’ Sez. 4.2 (a) tal-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili, 2014
  • Dikjarazzjoni għall-finijiet ta’ Sez. 4.2 (a) tal-Att dwar l-Unjoni Ċivili, 2014

Għal aktar informazzjoni dwar Żwieġ, Unjoni Ċivili u Koabitazzjoni jekk jogħġbok agħfas fuq din il-link.

KALKOLU DATA TAL-APPLIKAZZJONI GĦALL-PUBBLIKAZZJONI TAT-TNIDIJIET TAŻ-ŻWIEĠ

Permezz ta’ din il-link, inti tista’ ssir taf meta għandek tissottometti l-applikazzjoni tiegħek għall-pubblikazzjoni tat-Tnidijiet taż-Żwieġ tiegħek.

APPUNTAMENT GĦALL-APPLIKAZZJONI GĦALL-PUBBLIKAZZJONI TAT-TNIDIJIET TAŻ-ŻWIEĠ

Koppji/imsieħba huma mitluba jibbukkjaw appuntament ma’ Uffiċjal tar-Reġistru taż-Żwieġ mill-inqas tliet (3) xhur qabel id-data tat-tieġ tagħhom billi jaċċessaw din il-link jew jibagħtu imejl lil [email protected]. L-imejl għandha tinkludi numru ta’ kuntatt fejn jista’ jsir kuntatt mal-koppja.

 

Artikolu 15(1) tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kapitolu 255 tal-liġijiet tà Malta) tirrikjedi li; ‘15.(1) Żwieġ ċivili għandu jsir fil-preżenza tar-Reġistratur, jew ta’ uffiċjal tar-Reġistru taż-Żwieġ awtorizzat mir-Reġistratur biex ikun uffiċjal li quddiemu jsiru iż-żwiġijiet, u tax-xhieda meħtieġa b’dan l-Att.’.

Formoli

Ikklikkja fuq u agħżel mil-lista fuq il-lemin

Taqsima tan-Notifiki Lokali u Barranin

It-Taqsima tan-Notifiki Lokali u Barranin taċċetta n-notifiki għar-reġistrazzjoni tat-twelid u l-imwiet kollha f’Malta, u n-notifiki tal-istat ċivili taċ-ċittadini Maltin li jseħħu barra.

 

Notifiki Lokali

In-notifika lokali ta’ twelid u mewt li sseħħ f’Malta tista’ ssir fl-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku fl-Isptar Mater Dei, l-Imsida jew fl-uffiċċju tad-dipartiment f’Binja Onda, Triq Aldo Moro, il-Marsa. Twelid u mwiet li jseħħu f’Għawdex jistgħu jiġu nnotifikati fir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Triq ta’ Wara s-Sur, Victoria, Għawdex.

Notifiki lokali jistgħu jsiru wkoll online billi tagħfas fuq https://pubregnotifications.gov.mt/.

Aktar informazzjoni fuq notifiki tat-twelid tistà tinstab fuq dan il-link.

Aktar informazzjoni fuq notifiki tal-mewt tistà tinstab fuq dan il-link.

Notifiki lokali tat-twelid u l-mewt jistgħu jsiru wkoll permezz tal-posta. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mir-Reġistru Pubbliku fuq +356 2590 4200 jew tintbagħat imejl fuq [email protected].

 

Notifiki Barranin

In-notifika ta’ Atti barranin tal-istat ċivili ta’ ċittadin Malti tista’ ssir fl-uffiċċji tar-Reġistru Pubbliku Binja Onda, Triq Aldo Moro, il-Marsa, fir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex, Triq ta’ Wara s-Sur, Victoria, Għawdex jew f’waħda  mill-missjonijiet barranin Maltin.

 

Ta’ min jinnota li:

  • Dokumenti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea m’għandhomx għalfejn jiġu apostillati jew legalizzati bis-saħħa tar-Regolament tal-UE 2016/1191 applikabbli mis-16 ta’ Frar 2019.
  • Dokumenti pubbliċi minn pajjiżi li mhumiex fl-UE għandhom jiġu apostillati jew legalizzati skont il-każ.

Id-dokumenti kollha jinżammu u jiġu ppreservati b’mod indefinit fl-Arkivji tar-Reġistru Pubbliku.

Fil-każijiet kollha, huwa importanti li tagħfas fuq dan il-link …… għal gwida dettaljata qabel ma tissottometti kwalunkwe dokument għar-reġistrazzjoni.

It-Taqsima tar-Reġistrazzjoni

Din it-taqsima tirreġistra l-atti kollha ta’ stat ċivili
(jiġifieri l-atti tat-twelid, taż-żwieġ, tal-unjoni ċivili
u tal-mewt) kemm lokali kif ukoll dawk barranin.

Kull att jiġi vverifikat, ipproċessat u rreġistrat. L-atti kollha jiġu rreġistrati fi ftit jiem. Ir-reġistrazzjoni tal-atti tal-istat ċivili barranin tikkonċerna biss lil ċittadini Maltin li twieldu, iżżewġu jew mietu barra minn Malta. Fejn meħtieġ, ikun hemm bżonn ta’ diversi dokumenti tal-qrati, dokumenti oħra relatati ma’ separazzjonijiet u dokumentazzjoni oħra marbuta mal-ġenituri tat-tfal jew tal-persuna mejta. Dawn jiġu vverifikati, u d-dettalji kkonfermati u proċessati qabel ma sseħħ ir-reġistrazzjoni finali tal-Att.

Kull persuna, li jista’ jkollha interess, tista’ tressaq azzjoni quddiem il-qrati kompetenti f’Malta għal:

(a) korrezzjoni ta’ kwalunkwe Att ta’ Stat Ċivili rreġistrat,;

(b) leġitimazzjoni ta’ persuna mwielda barra miż-żwieġ u;

(C) ir-rikonoxximent tal-paternità ta’ persuna mwielda barra miż-żwieġ.

Korrezzjonijiet permezz tal-formoli ta’ applikazzjoni preskritti, indikati fil-Kodiċi Ċivili (Kap. 16 tal-Liġijiet ta’ Malta), jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ rikors ippreżentat lir-Reġistru Pubbliku. L-aġġustamenti jistgħu jintalbu permezz tal-Formoli V, TT, UU, WW, XX u Y.

Għandu jiġi enfasizzat li kwalunkwe bidla li ssir permezz ta’ dawn il-formoli hija irrevokabbli. Huwa rrakkomandat ukoll li għal aktar informazzjoni, tiġi kkuntattjata it-Taqsima tal-Annotazzjonijiet u l-Aġġustamenti fi ħdan r-Reġistru Pubbliku, billi tintbagħat imejl fuq [email protected] jew billi wieħed iċempel (+ 356) 2590 4200 matul il-ħinijiet tal-uffiċċju għal aktar gwida dwar dawn il-formoli.

Jista’ jkun li tixtieq tara aktar informazzjoni dwar kull formola permezz tal-link.

Taħt il-kompetenza tat-Taqsima tal-Annotazzjonijiet u l-Aġġustamenti taqa’ wkoll il-leġittimazzjoni ‘per subsequens matrimonium’.

Id-divorzji u l-annullamenti ta’ żwiġijiet miksuba kemm minn qrati Maltin kif ukoll minn qrati barra minn Malta, jistgħu jiġu rreġistrati fir-Reġistru Pubbliku wara li jiġi vverifikat li dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti relatati mal-Liġi Maltija.Il-bidliet kollha maħruġa għall-każijiet imsemmija huma mniżżla fil-kolonna tal-Annotazzjonijiet tal-Att relatat mal-Istat Ċivili.

It-Taqsima tal-Annotazzjonijiet u l-Aġġustamenti tagħmel annotazzjonijiet u korrezzjonijiet tar-Reġistru Pubbliku skont id-deċiżjoni tas-sentenza tal-qorti. L-annotazzjoni jew il-korrezzjoni tista’ tiġi inkluża fiċ-ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ jew tal-mewt li ssir referenza għalihom bħala l-Atti tal-Istat Ċivili. Din l-annotazzjoni tista’ twassal għal korrezzjonijiet fiċ-ċertifikat oriġinali.

F’każijiet ta’ koppji li jkunu temmew proċeduri ta’ Separazzjoni Legali, din it-taqsima tagħmel annotazzjonijiet fejn tidħol il-bidla lura għall-kunjom fit-twelid.

In the case of couples who have completed their legal separation procedures, this section annotates the change to their birth surname.

Il-proċess tal-annotazzjonijiet jitlesta fi żmien tlett (3) ijiem minn meta jaslu d-dokumenti relevanti. Iċ-ċertifikat jista’ jiġi ordnat onlajn minn www.certifikati.gov.mt u jintbagħat bil-posta. Ir-Reġistru Pubbliku jipproċessa l-ordni fi żmien sitt (6) ijiem ta’ xogħol mid-data tas-sottomissjoni. 

Wieħed jista’ wkoll jiġbor iċ-ċertifikat mir-Reġistru Pubbliku, Onda Building, Aldo Moro Road, Marsa, MRS 9065 jew mir-Reġistru Pubbliku, Victoria Għawdex.

It-Taqsima tal-Annotazzjonijiet u l-Aġġustamenti hija wkoll responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ koabitazzjoni taħt il-proviżjonijiet tal-Att ta’ Koabitazzjoni (Kap. 571 tal-liġijiet ta’ Malta). L-Att jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ koabitanti li ma jixtiqux li jkunu marbuta bi żwieġ jew unjoni ċivili. Dan jipproteġi lill-koabitanti li jikkoabitaw billi jirrikonoxxi legalment id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom.

Fil-każijiet kollha, huwa importanti li tagħfas fuq dan il-link …… għal gwida dettaljata qabel ma tissottometti deċiżjoni ta’ Qorti barranija għar-reġistrazzjoni.

Ir-Reġistru Pubbliku għandu rekords li jinkludu Atti tat-Twelid, Atti taż-Żwieġ, Atti tal-Unjoni Ċivili, Atti ta’ Mewt, u Reġistrazzjonijiet ta’ Koabitazzjoni u Adozzjoni. L-Atti oriġinali ta’ Twelid, Mewt u Żwieġ imorru lura għall-1863, filwaqt li l-Atti oriġinali tal-Unjoni Ċivili jmorru lura għall-2004. Dawn jinkludu Atti ta’ Twelid, Żwieġ, Unjoni Ċivili jew Mewt ta’ ċittadini Maltin maħruġa jew reġistrati f’pajjiż barrani minn awtorità kompetenti, kemm-il darba tkun saret talba mill-persuna interessata u bil-kundizzjoni li d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jkun sodisfatt bl-awtentiċità tal-att in kwistjoni.

Għal aktar informazzjoni dwar Annotazzjonijiet u Aġġustamenti dwar bidla tal-ġeneru u r-rikonoxximent tal-ġeneru ġdid, jekk jogħġbok agħfas hawn.

Għal aktar informazzjoni dwar Annotazzjonijiet u Aġġustamenti dwar adozzjonijiet  jekk jogħġbok agħfas hawn.

Identity Malta Agency

Ħinijiet tal-Ftuħ

Reġistru Pubbliku – Mata

It-Tnejn: Mis-07:30 sas-14:00
It-Tlieta: Mis-07:30 sas-14:00
L-Erbgħa: Mis-07:30 sas-14:00

Mit15:00 sas-18:00

Il-Ħamis: Mis-07:30 sas-14:00
Il-Ġimgħa: Mis-07:30 sas-14:00
Is-Sibt: Mis-07:30 sal-11:00

Reġistru Pubbliku – Għawdex | Bejn is-16 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru

It-Tnejn: Mis-07:30 sas-12:00
It-Tlieta: Mis-07:30 sas-12:00
L-Erbgħa: Mis-07:30 sas-12:00
Il-Ħamis: Mis-07:30 sas-12:00
Il-Ġimgħa: Mis-07:30 sas-12:00

Reġistru Pubbliku – Għawdex | Bejn l-1 ta’ Ottubru u l-15 ta’ Ġunju

It-Tnejn: Mit-08:00 sas-13:00
It-Tlieta: Mit-08:00 sas-13:00
L-Erbgħa: Mit-08:00 sas-13:00
Il-Ħamis: Mit-08:00 sas-13:00
Il-Ġimgħa: Mit-08:00 sas-13:00

N.B. L-uffiċċji ta’ Għawdex jibqgħu miftuħin sas-2:00pm għal kwalunke informazzjoni mitluba iżda mhux għat-tranżazzjonijiet ta’ flus.

Numri tat-Telefown

  • Customer Care Section: (+356) 2590 4200
  • Registrations Section: (+356) 2590 4220
  • Civil Status and Customer Care Section: (+356) 2590 4230
  • Marriage Registry Section: (+356) 2590 4240
  • Local and Foreign Notifications Section: (+356) 2590 4250
  • Annotations & Adjustments Section: (+356) 2590 4260
  • Gozo Office: (+356) 2215 6382 / (+356) 2215 6383

Indirizz

  • Onda Building, Aldo Moro Road, Marsa, MRS 9065
  • 19, By the Bastion Road, Victoria Gozo