Il-Unit tal-Karti tal-Identità
Il-Unit tal-Karti tal-Identità hija l-awtorità responsabbli mill-ħruġ tal-karti tal-identità elettroniċi lil ċittadini Maltin u Għawdxin, u għar-reġistrazzjoni tal-kont tal-eID (virtwali) għall-individwu.
Servizzi Offruti
Il-Unit tal-Karti tal-Identità toħroġ Karta tal-Identità ġdida la darba l-applikant:
- Japplika għall-Karta tal-Identità Maltija għall-ewwel darba (applikabbli għal persuni minn 14-il sena ‘l fuq);
- Ibiddel id-dettalji personali u/jew residenzjali li hemm fuq il-karta tal-identità;
- Jirrapporta li l-karta tal-identità intilfet jew insterqet;
- Ikun għalaq 14, 18, 60 jew 75 sena.
Applikant li se japplika għall-ewwel darba jrid jimla u jissottometti d-dokumenti li ġejjin:
- Il-Formola ID 10 – Applikazzjoni għal Karta tal-Identità Maltija (b’attenzjoni partikolari lejn Sezzjoni D) li tkun tinkludi ritratt riċenti, daqs tal-passaport, u li jrid ikun iffirmat minn xhud awtorizzat;
- Il-Permess ta’ Residenza preċedenti (applikabbli biss f’każijiet meta l-applikant ħa ċ-ċittadinanza Maltija u qabel kellu l-Karta tal-Permess tar-Residenza b’numru li jispiċċa bl-ittra ‘A’);
- Ittra ta’ konferma jew ċertifikat maħruġ mil-Unit taċ-Ċittadinanza bħala prova taċ-Ċittadinanza Maltija tal-applikant. Din il-prova mhix neċessarja jekk l-applikant:
- twieled Malta minn ġenituri miżżewġin u f’dak iż-żmien il-missier kien ċittadin Malti;
- twieled Malta jew barra minn Malta wara l-1 ta’ Awwissu 1989 minn omm ta’ nazzjonalità Maltija;
- kien addottat f’Malta ta’ età iżgħar minn għaxar snin;
- Btwieled Malta minn ġenituri barranin bejn l-10 ta’ Frar 1981 u l-1 ta’ Awwissu 1989 (applikabbli biss jekk il-ġenituri ma kinux jagħmlu parti mill-korp diplomatiku);
- twieled Malta, emigra u ħa ċ-ċittadinanza barranija wara l-10 ta’ Frar 2000.
Imla l-formola onlajn u ibgħatha.
Applikant li jitlob xi bidla fid-dettalji personali u/jew tal-indirizz fuq il-karta tal-identità tiegħu/tagħha għandu/ha:
- Jimla l-Formola ID10a – Applikazzjoni għal Karta tal-Identità Maltija; u
- Jippreżenta l-karta tal-identità tiegħu/tagħha.
Applikant li jiddikjara li l-karta tal-identità tiegħu/tagħha intilfet jew insterqet, għandu/ha:
- Jimla l-Formola ID 10 – Applikazzjoni għal Karta tal-Identità Maltija; u
- Jissottometti rapport tal-pulizija li jrid jinkludi fih in-numru tal-karta tal-identità.
Biex tinħareġ karta tal-identità ġdida flok dik mitlufa jew misruqa iridu jitħallsu penali ta’ €22 anke meta l-karta tal-identità mitlufa jew misruqa tkun skaduta.
F’każ li l-karta tal-identità mitlufa/misruqa ma kinitx kard elettronika, l-applikant irid jimla sezzjoni D tal-Formola ID10, li trid tinkludi dikjarazzjoni ta’ persuna awtorizzata, li tivverifika li hi/hu j/taf lill-applikant, kif ukoll ritratt tal-applikant li jkun iffirmat mill-istess xhud biex jiċċertifika l-identità tal-persuna. F’każ li l-Karta tal-Identità mitlufa jew misruqa kienet diġà e-ID (kellha ċ-ċippa) m’hemmx bżonn timtela sezzjoni D.
L-applikant jista japplika wkoll għal:
- Kont virtwali tal-e-ID; u
- Kard tal-persuni anzjani (fil-każ ta’ persuni li għandhom 60 sena jew aktar).
Persuni anzjani, li jkollhom 60 sena u 75 sena, jridu japplikaw għal karta tal-identità ġdida, li tirrifletti l-età li jkunu laħqu. Il-kartanzjan l-antika m’għadhiex tinħareġ, madankollu l-benefiċċji kollha li qabel kienu jitgawdew permezz tal-kartanzjan se jibqgħu permezz ta’ dawn il-kards.
Il-Unit tal-Karti tal-Identità jipprovdi servizz fid-djar b’xejn għal ċittadini li ma jkunux jifilħu joħorġu minn darhom jew minħabba problemi ta’ mobbiltà jsibuha diffiċli biex jiġu l-uffiċċju fil-Blata l-Bajda biex japplikaw għall-Karta tal-Identità. F’dan ir-rigward l-applikant jista’ jimla l-formola ONLAJN. Għal iktar informazzjoni wiehed jista jibgħat imejl fuq [email protected] jew iċempel l-uffiċċju 2590 4300.
Il-Kont Virtwali tal-e-ID
Meta persuna tapplika għal karta tal-identità, din tista’ tapplika wkoll għall-kont (virtwali) e-ID li huwa bżonnjuż biex wieħed jaċċessa servizzi onlajn tal-Gvern. Wara li l-Unit tal-Karti tal-Identità jirċievi l-applikazzjoni, l-identità tal-applikant tiġi vverifikata u jipproċedi billi tintbagħat link lill-applikant sabiex ikun jista’ jattiva l-kont. Dan il-link jintbagħat fl-indirizz elettroniku pprovdut mill-applikant innifsu.
Applikant għandu wkoll l-għażla li jagħmel użu miċ-ċertifikati (Ċertifikat tal-Awtentikazzjoni u Ċertifikat tal-Firma) li jinsabu fuq il-karta tal-identità elettronika tiegħu u dawn iċ-ċertifikati jinżammu fuq il-kompjuter tal-utent. Wieħed jista’ jagħmel użu minnhom permezz ta’ Card Reader u PIN A u PIN B (li kienu ntbagħtu lill-utent waqt ir-reġistrazzjoni tal-Karta tal-Identità tiegħu/tagħha). Iċ-Ċertifikati tal-Karta tal-Identità huma ġeneralment użati għal servizzi relatati ma’ servizzi finanzjarji u applikazzjonijiet ta’ tenders.
Organizzazzjonijiet ukoll jistgħu jirreġistraw lilhom infushom bħala entitajiet identifikabbli għall-iskop tal-e-ID. B’hekk jiġu permessi jagħmlu użu tas-servizzi elettronici u jkunu jistgħu jinteraġixxu ma’ Service Providers permezz tas-servizzi onlajn. Biex tirreġistra, l-organizzazzjoni, l-ewwel trid taħtar Manager għall-Organizzazzjoni (li jrid ikollu kont tal-e-ID personali u ċertifikat diġitali personali).
Is-software, l-ispeċifikazzjonijiet għall-apparat biex tinqara il-karta tal-identità elettronika, kif ukoll struzzjonijiet oħra dwar kif tirreġistra organizzazzjoni tal-kont tal-identifikazzjoni elettronika huma disponibbli fuq din il-link.
Service Providers li jridu jniedu eService iridu jikkonsultaw u wara jidħlu fi ftehim mal-Aġenzija Identity Malta.
Uffiċċju Elettorali
Fit-12 ta’ Frar 2014, il-Unit tal-Karti tal-Identità kien trasferit taħt Identity Malta. Madankollu, kien intlaħaq ftehim bejn l-Aġenzija Identity Malta u l-Uffiċċju Elettorali, fejn l-aġenzija ddikkjarat li se taċċetta applikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ informazzjoni b’rabta elettorali taċ-ċittadini f’isem l-Uffiċċju Elettorali. L-istess informazzjoni, inkluż ir-ritratt li għandha l-ICU biex tipproduċi l-karti tal-Identità, tintbgħat lill-Uffiċċju Elettorali biex tintuża għal skop ta’ elezzjonijiet, u din tinkludi l-pubblikazzjoni tar-reġistru elettorali u l-istampar tad-dokumenti tal-vot.
- Persuni li qed japplikaw għall-ewwel darba (inklużi dawk li mhumiex eliġibbli) huma mitluba li jimlew u jiffirmaw formoli elettorali Nru.1 u Nru.4;
- Persuni li qed japplikaw biex jibdlu indirizz iridu jimlew u jiffirmaw il-formola elettorali Nru.2;
- Persuni li jitolbu tibdil fil-kunjom u l-indirizz jridu jimlew u jiffirmaw formola elettorali Nru.2A;
- Persuni li jkollhom kwalunkwe korrezzjoni oħra jridu jiffirmaw formula elettorali Nru.3.
Definizzjoni tal-aħħar ittra fin-numru tal-identità
Il-Unit tal-Karti tal-Identità jagħti waħda mill-ittri mniżżla hawn taħt fl-aħħar tan-numru tar-reġistrazzjoni.
A | Applikabbli għal persuni barranin li jinħarġilhom Permess tar-Residenza; |
B | Applikabbli għal Maltin li t-twelid tagħhom kien irreġistrat bejn l-1800 u l-1899; |
G | Applikabbli għal Għawdxin li t-twelid tagħhom kien irreġistrat bejn l-1900 u l-1999; |
H | Applikabbli għal Għawdxin li t-twelid tagħhom kien irreġistrat wara l-2000; |
L | Applikabbli għal Maltin li t-twelid tagħhom kien irreġistrat wara l-2000; |
M | Applikabbli għal Maltin li t-twelid tagħhom kien irreġistrat bejn l-1900 u l-1999; |
P | Applikabbli għal Maltin li twieldu barra minn Malta u huwa diffiċli li jipproduċu ċertifikat oriġinali tat-twelid tagħhom biex ikunu jistgħu jirreġistrawh f’Malta. |
Z | Applikabbli għal Għawdxin li t-twelid tagħhom kien irreġistrat bejn l-1800 u l-1899. |
Ħlasijiet
Ħruġ ta’ Karta tal-Identità għall-ewwel darba | Bla ħlas |
Tiġdid ta’ Karta tal-Identità skaduta (jew li fiha xi informazzjoni li m’għadhiex korretta) li mhix iddikjarata mitlufa, misruqa jew imħassra |
Bla ħlas |
Applikazzjonijiet għal Karta tal-Identità ġdida minflok waħda li tkun intilfet jew insterqet | €22 |
Applikazzjonijiet għal Karta tal-Identità ġdida minflok waħda li tkun ġiet imħassra | €16.50 |

Ħinijiet tal-Ftuħ
Taqsima tal-Karta tal-Identità – Malta
It-Tnejn: | Mis-7:30am sas-2:00pm |
It-Tlieta:: | Mis-7:30am sas-2:00pm |
L-Erbgħa: | Mis-7:30am sas-2:00pm Mit-3:00pm sas-6:00pm |
Il-Ħamis: | Mis-7:30am sas-2:00pm |
Il-Ġimgħa: | Mis-7:30am sas-2:00pm |
Is-Sibt: | Mis-7:30am sal-11:00am |
Taqsima tal-Karta tal-Identità – Għawdex
It-Tnejn: | Mis-7:30am sas-2:00pm |
It-Tlieta:: | Mis-7:30am sas-2:00pm |
L-Erbgħa: | Mis-7:30am sas-2:00pm Mit-3:00pm sas-6:00pm |
Il-Ħamis: | Mis-7:30am sas-2:00pm |
Il-Ġimgħa: | Mis-7:30am sas-2:00pm |
Is-Sibt: | Mis-7:30am sal-11:00am |