Taqsima Tal-VIŻA

Is-Central Visa Unit (CVU) hija l-awtorità ċentrali tal-Gvern dwar l-immigrazzjoni, responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali dwar il-viża u l-proviżjonijiet tal-acquis tax-Schengen (fejn jikkonċerna affarijiet relatati mal-viża). Ir-responsabbiltà tal-ħruġ tal-viża tinqasam mal-Missjonijiet Diplomatiċi barra minn Malta.
L-Uffiċċju Ċentrali tal-Viża huwa marbut li jgħin lill-applikanti kollha, li għandhom għan tajjeb u ġenwin biex jaslu fit-territorju Malti, bl-inqas inkonvenjent possibbli.

X’inhija l-Viża?

Viża hija awtorizzazzjoni jew deċiżjoni, fil-forma ta’ stiker, maħruġa u mwaħħla ma’ passaport, li tawtorizza  lid-detentur biex joqgħod f’Malta matul perijodu limitat u speċifikat. Il-pussess ta’ viża ma jagħtix liċ-ċittadin tal-pajjiż terz id-dritt awtomatiku tad-dħul, peress li min iġorru jrid jagħti prova li se jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dħul imposti.

Persuna li għandha fil-pussess tagħha l-viża, xorta waħda tista’ ma titħallix tidħol f’pajjiż minn awtoritajiet tal-fruntieri jekk jinstab li:

  • id-detentur ma jkunx fil-pussess ta’ mezzi adegwati biex isostni ruħu;
  • id-data sottomessa matul il-proċedura tal-applikazzjoni għall-viża ma kinitx korretta jew iffalsifikata;
  • id-detentur ma jkunx jista’ jipprovdi dettalji dwar iċ-ċirkostanzi tal-waqfa f’Malta.

L-awtoritajiet tal-fruntieri jistgħu jirrifjutaw id-dħul anke għal raġunijiet ta’ sigurtà jew public policy. Malta toħroġ primarjament żewġ (2) tipi ta’ viżi:

  • Il-Viża Schengen (soġġorn qasir), li tinħareġ għal perijodu li ma jaqbiżx id-90 jum u li hija rregolata mid-dispożizzjonijiet li fuqhom hemm qbil tal-UE; u
  • Il-Viża Nazzjonali (viża għal soġġorn twil/D Visa), li tinħareġ għal perijodu ta’ aktar minn 90 jum u mhux aktar minn 365 jum skont ir-regoli nazzjonali.

Viża Schengen

Iż-Żona Schengen u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi membri, joriġinaw mill-Ftehim ta’ Schengen tal-1985.

Il-ftehim jirrappreżenta territorju fejn il-moviment liberu tal-persuni huwa ggarantit. L-Istati firmatarji f’dan il-ftehim neħħew il-fruntieri interni kollha, u minflok stabbilixxew fruntiera esterna waħda. Għalhekk, applikaw regoli u proċeduri komuni għall-viżi għal soġġorn qasir, talbiet għall-ażil u kontrolli fil-fruntieri. Fl-istess ħin, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn is-servizzi tal-Pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji jiggarantixxu s-sigurtà. Il-kooperazzjoni Schengen ġiet inkorporata fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea fit-Trattat ta’ Amsterdam tal-1997.

Viża ta’ Schengen hija awtorizzazzjoni maħruġa minn stat fiż-żona Schengen li tawtorizza:

  • tranżitu minn jew soġġorn previst fit-territorju tal-Istati  Schengen għal mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum (“viża għal soġġorn qasir”);
  • tranżitu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti tal-Istati fiż-żona Schengen (“viża għal tranżitu fl-ajruport”).

Stati Membri ta’ Schengen

Sal-lum, hemm b’kollox 26 pajjiż li jaderixxu mal-Ftehim ta’ Schengen; 22 Stat Membru tal-UE u erba’ Stati Assoċjati (Stati Membri mhux tal-UE) li abolixxew il-kontroll tal-fruntieri u jimplimentaw bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen b’rabta mal-ħruġ ta’ viża. Is-26 Stat Membru ta’ Schengen huma – l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda*, l-Italja, il-Latvja, Liechtenstein*, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja u l-Iżvizzera *

(* Stati mhux Membri tal-UE)

Filwaqt li erba’ (4) Stati Membri tal-UE – il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija għadhom mhumiex membri sħaħ taż-żona Schengen; tnejn (2) oħra – l-Irlanda u r-Renju Unit, iżommu l-politika awtonoma dwar il-Viża, l-Immigrazzjoni u l-ażil u ma jipparteċipawx fil-kooperazzjoni ta’ Schengen.

Regoli Ewlenin

Ir-regoli ewlenin adottati fi ħdan il-qafas Schengen jinkludu:

  • It-tneħħija ta’ kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni;
  • Sett komuni ta’ regoli li japplikaw għal persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-UE;
  • L-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tar-regoli tad-dħul u tal-Viżi għal soġġorni qosra;
  • Il-kooperazzjoni msaħħa tal-Pulizija (inklużi d-drittijiet tas-sorveljanza fil-konfini u l-insegwiment);
  • Kooperazzjoni ġudizzjarja aktar b’saħħitha permezz ta’ sistema ta’ estradizzjoni aktar mgħaġġla u t-trasferiment tal-infurzar ta’ sentenzi kriminali;
  • It-twaqqif u l-iżvilupp tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen (SIS).

Il-Kodiċi dwar il-Viżi stabbilixxa l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal soġġorni qosra (massimu ta’ disgħin jum matul perijodu ta’ mija u tmenin jum) u t-tranżitu mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati assoċjati li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ. Għaldaqstant, kwalunkwe applikazzjonijiet għal viża għal dħul f’Malta għal waqfa qasira, trid tkun konformi mal-proċeduri kollha stabbiliti mill-Kodiċi tal-Viża.

Applikazzjoni tal-Viża

Applikazzjonijiet tal-viża jridu jsiru bil-miktub, fejn jingħataw id-dettalji kollha meħtieġa fuq il-Formola tal-Applikazzjoni tal-Viża (li tista’ titniżżel minn fuq is-sit tal-internet u tinġieb minn xi Ambaxxata jew Konsolat) u jridu jiġu sottomessi fl-Ambaxxata jew Konsolat tal-pajjiż tad-destinazzjoni tas-safra.

Formola tal-applikazzjoni trid timtela b’mod leġibbli, tkun iffirmata mill-applikant u magħha jridu jiġu ppreżentati dawn:

  • Dokument tal-ivvjaġġar validu (passaport) li jrid ikollu data tal-iskadenza mhux inqas minn tliet xhur;
  • Ritratt daqs tal-passaport, bil-kulur u meħud quddiem background abjad, bil-wiċċ jidher sewwa.

Limitu ta’ żmien għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża

L-applikazzjonijiet fil-biċċa l-kbira jkunu riveduti u evalwati fi żmien bejn sebat (7) ijiem u 15-il ġurnata. F’każijiet eċċezzjonali, fejn ikun hemm bżonn ta’ dokumentazzjoni addizzjonali, id-data ta’ skadenza tista’ tiġi estiża sa massimu ta’ 45 jum kalendarju wara li l-applikazzjoni tkun tqieset ammissibbli

Huwa rakkomandat li l-applikazzjoni għal viża ma tiġix ippreżentata aktar tard minn 15-il jum qabel il-vjaġġ ippjanat, peress li ma jistax jiġi garantit li din se tiġi riveduta fil-ħin. Id-detenturi ta’ viżi għal soġġorn qasir f’aktar minn pajjiż wieħed taż-żona Schengen, jistgħu jissottomettu applikazzjoni oħra qabel ma din il-viża tiskadi, jekk kemm-il darba din kienet valida għal mill-inqas sitt xhur. L-applikazzjonijiet għall-viża ta’ membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE jkunu skrutinizzati fl-iqsar żmien possibbli.

Dokumenti Meħtieġa

ID-DOKUMENTI MEĦTIEĠA JIDDEPENDU SKONT GĦAL-LIEMA VIŻA SSIR L-APPLIKAZZJONI JEW F’LIEMA AMBAXXATA JEW RAPPREŻENTANZA L-INDIVIDWU SE JAPPLIKA.

  • L-iskop tal-vjaġġ;
  • Mezz ta’ transport anke dak tar-ritorn;
  • Mezz ta’ sostenn matul il-vjaġġ u sakemm l-individwu jkun fil-pajjjiż;
  • Akkomodazzjoni

DOKUMENTI MEĦTIEĠA RIGWARD L-ISKOP TAL-VJAĠĠ HUMA:

  • Ittra ta’ stedina;
  • Taħrika;
  • Ċertifikat ta’ reġistrazzjoni;
  • L-organizzazzjoni taż-żjara.

DOKUMENTI MEĦTIEĠA B’RABTA MAL-MEZZI TA’ TRANSPORT U R-RITORN GĦANDHOM IKUNU:

  • Biljett tar-ritorn validu; jew
  • Ċertifikat li jindika l-booking u l-ħlas ta’ vjaġġ.

DOKUMENTI MEĦTIEĠA RIGWARD MEZZ TA’ SOSTENN JINKLUDU:

  • Flus kontanti;
  • Traveller’s cheques;
  • Ktieb taċ-ċekkijiet għal munita barranija;
  • Karti ta’ kreditu;
  • Kwalunkwe mezz ieħor li jiggarantixxi fondi.

Il-livell ta’ manteniment għandu jkun wieħed proporzjonat skont it-tul u l-għan ta’ din il-vista.

DOKUMENTI MEĦTIEĠA RIGWARD AKKOMODAZZJONI JINKLUDU:

  • Booking ta’ akkomodazzjoni f’lukanda jew stabbiliment simili;
  • Dokumenti li jipprovaw l-eżistenza ta’ kirja jew Att ta’ titlu, f’isem l-applikant, għal proprjetà li tinsab fil-pajjiż li se jżur;
  • Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jiddikjara li hu/hi għandu joqgħod f’dar ta’ persuna jew f’istituzzjoni, l-applikant irid jippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub (Declaration of Proof) minn min ikun se jospita li turi li huwa lest li jakkomoda lill-applikant. L-Ambaxxati jew Konsolati jivverifikaw tali dikjarazzjonijiet, fejn isiru checks neċessarji;
  • Jista’ jintalab ukoll li jkun ippreżentat ċertifikat mimlija mill-ospitant/istituzzjoni li jindika b’mod ċar li huma kommessi li jakkomodaw lill-applikant, u dawn iridu jkunu ttimbrati minn awtorità kompetenti f’Malta, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-liġi.

ASSIKURAZZJONI MEDIKA

Barra minn hekk, biex tkun issostanzjata applikazzjoni għal ħruġ ta’ viża għal żmien qasir jew għall-ivvjaġġar (jinkludi viza għal soġġorn twil),  l-applikanti għandhom juru li huma fil-pussess ta’ assigurazzjoni medika adegwata u valida li tkopri kull spiża li tista’ tinqala’ in konnessjoni ma’ ripatrijazzjoni minħabba raġunijiet mediċi, attenzjoni medika urġenti u/jew kura ta’ emerġenza fi sptar. L-assigurazzjoni għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha ta’ Schengen u tkopri l-perijodu kollu taż-żjara tal-persuna. Il-kopertura minima hija ta’ €30,000.

DIKJARAZZJONI TAL-PROVI (DECLARATION OF PROOF)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 810/2009, l-applikanti li jkunu mistiedna minn persuna f’Malta għandhom jippreżentaw id-dikjarazzjoni ta’ prova (Declaration of Proof), li biha l-ospitant Malti jiddikjara li huwa kapaċi jakkomoda lill-applikant u/jew li jkun jista’ jġorr l-ispejjeż u r-ripatrijazzjoni tal-applikant.

Id-dikjarazzjoni tal-provi jrid ikun fiha informazzjoni li tistabbilixxi l-għan tal-applikazzjoni u tindika, b’mod partikolari dan li ġej:

  • Jekk l-iskop tad-dikjarazzjoni hija prova ta’ akkomodazzjoni jew sponsorship;
  • Jekk l-ospitant hux individwu, organizzazzjoni jew kumpanija;
  • L-identità tal-ospitanti u d-dettalji ta’ kuntatt;
  • Min huwa l-applikant li huwa mistieden;
  • L-indirizz tal-akkomodazzjoni;
  • Tul u skop taż-żjara
  • Relazzjoni li jista’ jkun hemm bejn l-ospitant u l-applikant.

Għalhekk jinħtieġ li jkun fiha informazzjoni kompleta u rilevanti dwar il-persuna ospitanti li tagħmel l-istedina, l-applikant (bħala l-persuna mistiedna) u r-relazzjoni tagħhom ma ‘ xulxin (inkluż informazzjoni dwar kwalunkwe relazzjoni familjari), flimkien mal-fini taż-żjara li  trid tiġi koperta bil-viża. L-istedina għandha tiddikjara wkoll jekk il-persuna ospitanti li testendi l-istedina hux se tkun ukoll garanti mill-aspett finanzjarju għall-applikant.

Permezz tal-mili u l-iffirmar tad-dikjarazzjoni ta’ prova, il-persuna ospitanti tiggarantixxi li se tkun responsabbli biex finanzjarjament tkopri spejjeż b’konnessjoni maż-żjara tal-applikant f’Malta u r-ripatrijazzjoni jekk l-applikant jonqos milli jirritorna lura lejn pajjiżu qabel ma tiskadilu l-viża.

Id-dikjarazzjoni ta’ prova għandha tkun iċċertifikata, attestata u ttimbrata minn rappreżentant legali. Jekk kwalunkwe informazzjoni pprovduta tinstab li hija falza jew skorretta, il-persuna ospitanti, kemm bħala individwu, bħala kumpanija jew bħala organizzazzjoni, tkun suġġetta għal passi kriminali skont il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru partikolari. F’Malta, dawn huma l-Artikoli 188 u 189 tal-Kodiċi kriminali (Kapitolu 9 tal-liġijiet ta’ Malta) u l-Artikolu 32 tal-Att dwar l-Immigrazzjoni (Kapitolu 217 tal-liġijiet ta’ Malta) kif ukoll kwalunkwe liġi jew regolament ieħor li jista’ jkun fis-seħħ fiż-żmien tad-dikjarazzjoni illegali.

Marbut bir-Regolament (KE) Nru 539/2001 u wara immodifikat bir-Regolament (KE) Nru 2414/2001 u bir-Regolament (KE) Nru 453/2003, il-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għall-ħtieġa tal-Viża, meta jivvjaġġaw lejn Malta u/jew kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-UE huwa kif ġej:

L-Afganistan Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo Il-Kirgiżtan L-Irwanda
L-Alġerija Id-Djibouti Il-Laos São Tomé u Príncipe
L-Angola Ir-Repubblika Dominicana Il-Libanu L-Arabja Sawdita
L-Armenja L-Ekwador Il-Lesoto Ir-Russja
L-Ażerbajġan L-Eġittu Il-Liberia Is-Senegal
Il-Bahrain Il-Guinea Ekwatorjali Il-Libja Is-Sierra Leone
Il-Bangladesh L-Eritrea Il-Madagaskar Is-Somalja
Il-Belarussja L-Etijopja Il-Malawi L-Afrika t’Isfel
Il-Belize Fiġi Il-Maldivi Is-Sudan t’Isfel
Il-Benin Il-Gabon Il-Mali Is-Sri Lanka
Il-Bhutan Il-Gambja Il-Mauritania Is-Sudan
Il-Bolivja Il-Ghana Il-Mongolia Is-Suriname
Il-Botswana Il-Guinea Il-Marokk Is-Swaziland
Il-Burkina Faso Il-Guinea-Bissau Il-Mozambique Is-Sirja
Burma/Il-Myanmar Il-Guyana In-Namibia It-Taġikistan
Il-Burundi Il-Haiti Nauru It-Tanzanija
Il-Kambodja L-Indja In-Nepal It-Tajlandja
Il-Kamerun L-Indonesja In-Niger It-Togo
Cape Verde L-Iran In-Niġerja It-Tuneżija
Ir-Repubblika Ċentru Afrikana L-Iraq Il-Korea ta’ Fuq It-Turkija
Iċ-Chad Il-Ġamajka L-Oman It-Turkmenistan
Iċ-Ċina Il-Ġordan Il-Pakistan L-Uganda
Comoros Il-Każakistan Il-Palestina L-Użbekistan
Il-Kongo Il-Kenja Papua New Guinea Il-Vjetnam
Il-Kosta tal-Avorju Il-Kosovo Il-Filippini Il-Jemen
Kuba Il-Kuwajt Il-Qatar Iż-Żambia
Iż-Żimbabwe

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinħtieġ li jkollhom fil-pussess tagħhom viża għal transitu fl-ajruport meta jkunu qed jgħaddu minn ajruport internazzjonali f’xi pajjiż tal-UE jinkludu:

L-Afganistan Il-Bangladesh Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo L-Eritrea
L-Etijopia Il-Ghana L-Iran L-Iraq
In-Niġerja Il-Pakistan Is-Somalja Is-Sri Lanka

Fejn tista’ tapplika

Applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ viża jistgħu jiġu sottomessi, eżaminati u deċiżi fil-Konsolati taħt liema ġurisdizzjoni l-applikant ikun legalment qed jgħix. Applikazzjoni għall-viża ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz, legalment preżenti iżda li ma jkunx jirrisjedi fil-ġurisdizzjoni, tista’ tiġi aċċettata jekk is-CVU jqis li l-ġustifikazzjoni pprovduta mill-applikant għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni f’dak il-Konsolat ta’ Malta, hija koerenti u kredibbli.

 

Il-ftehim ta’ rappreżentanza mal-Ġermanja fil-Botswana, il-Ginea, il-Mongolja, in-Namibja u t-Togo se jerġa’ jiġi attivat nhar il-31 ta’ Ottubru 2022. Ir-rappreżentanza fiż-Żimbabwe se tibqa’ sospiża sakemm joħroġ avviż ieħor.

Kundizzjonijiet biex tinħareġ il-viża

L-Awtoritajiet Maltija huma responsabbli biex tkun eżaminata u evalwata applikazzjoni għal viża jekk Malta hija l-uniku destinazzjoni jew id-destinazzjoni prinċipali taż-żjara.

F’pajjiż fejn Malta m’għandix rappreżentanza, applikazzjoni tista’ tiġi sottomessa fil-Konsolat ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea li miegħu Malta għandha ftehim bilaterali.

Malta għandha wkoll arranġamenti ma’ service providers privati sabiex applikazzjoni tkun tista’ tiġi sottomessa fl-uffiċini tagħhom (u dan jinkludi wkoll it-teħid tal-features biometriċi).

Viża uniformi tista’ tinħareġ għal aktar minn dħul wieħed, b’validità massima ta’ ħames snin. F’każijiet umanitarji, l-perijodu ta’ validità tista’ tiġi estiża.

Applikazzjoni għall-viża tista’ tiġi ppreżentata mill-applikant sa minn sitt (6) xhur qabel iż-żjara ppjanata. Meta jippreżenta applikazzjoni, l-applikant għandu jmur personalment, sakemm dan ir-rekwiżit ma jkunx ġie rrinunzjat. Apparti f’ċerti eċċezzjonijiet, l-applikant għandu jagħti l-permess għat-teħid tal-marki tas-swaba’ tiegħu, fejn wara jkun eżentat minn dan il-proċess għal perijodu ta’ 59 xahar u jħallas il-ħlas applikabbli. Il-ħlas tal-viża tista’ tiġi rinunzjata jew imnaqqsa f’każijiet individwali, pereżempju għal raġunijiet ta’ politika kulturali, barranija u ta’ żvilupp.

Viża tiġi rifjutata jekk l-applikant:

  • Jippreżenta dokument tal-ivjaġġar falz;
  • Ma jagħti l-ebda ġustifikazzjoni valida għall-iskop u l-kundizzjonijiet ta’ dan il-vjaġġ;
  • Ma jipprovdi l-ebda mezz ta’ sostenn għal perijodu tal-mawra u lanqas għar-ritorn lura lejn il-pajjiż oriġinali tiegħu jew tagħha;
  • Ikun diġá qatta’ tliet xhur fil-perijodu ta’ sitt xhur;
  • Ikun suġġett ta’ twissija fis-Sistema Informatika tax-Schengen (SIS);
  • Huwa kkunsidrat bħala thedida għas-sigurta jew saħħa tal-pubbliku tal-Istat Membru;
  • Ma jipprovidix assikurazzjoni medika, jekk applikabbli;
  • Jipprovdi dokumenti li l-awtentiċità tagħhom ma tistax tiġi kkonkermata.

F’ċerti każijiet, il-perijodu ta’ validità jista’ jkun estiż, filwaqt li f’ċerti ċirkostanzi, l-viża tista’ tiġi annullata jew revokata.

Applikant li jkollu l-viża tiegħu irrifjutata, irrevokata jew annullata għandu l-possibbiltà li jappella din id-deċiżjoni mal-Bord tal-Appelli tal-Immigrazzjoni sa ħmistax-il ġurnata minn din in-notifika. Jista’ jagħmel hekk billi jikkomunika mal-Bord Tal-Appelli tal-Immigrazzjoni, li f’dan l-indirizz:

The Secretary

Immigration Appeals Board

15, 1st Floor

City Gate Building

Triq L-Ordinanza

Valletta

Proċedura tal-Appelli

Meta viża tiġi rifjutata, annullata jew revokata mill-awtoritajiet Maltin, l-applikant jirċievi ittra li tinnotifikah/a bir-raġunijiet li waslu għal din id-deċiżjoni. 

Applikanti li jiġu rifjutati milli jingħataw viża jew ikollhom il-viża tagħhom annullata jew revokata, għandhom id-dritt li jappellaw kontra tali deċiżjoni mal-Immigration Appeals Board fi żmien ħmistax-il ġurnata ta’ xogħol, minn meta tinħareġ in-notifika. Kwalunkwe komunikazzjoni għandha ssir bl-Ingliż u tkun indirizzata lil bord f’dan l-indirizz:

The Secretary

Immigration Appeals Board

15, 1st Floor

City Gate Building

Triq L-Ordinanza

Valletta

L-applikanti għandhom jibagħtu lill-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni fi żmien 15-il jum kopja tal-ittra ta ’rifjut u dokumenti oħra ta’ sostenn li jiġġustifikaw ir-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjoni għandha tiġi riveduta. Tali dokumenti jridu jkunu ċċertifikati bħala kopji vera tal-oriġinali minn avukat jew nutar. 

L-appell irid ikun impustat b’posta irreġistrata u b’imejl fuq l-indirizz elettroniku [email protected];[email protected]

Sussegwentement, l-IAB javża kemm lill-applikant u kif ukoll lis-CVU bid-deċiżjoni li tittieħed.

Tariffi

Applikanti għandhom iħallsu tariffi applikabbli skont kif indikat fl-Ordinanza dwar it-Tariffi L.N.287 tal-2020.

It-Taqsima Ċentrali tal-Viża taċċetta ħlasijiet permezz ta’ karta ta’ kreditu jew ċekkijiet.

It-tariffi li għandhom jitħallsu għal applikazzjoni tal-viża għal soġġorn twil huma kif ġej:
(a) Għal skop ta’ studju €70
(b) Għal kwalunke skop ieħor €100

Tfal taħt is-sitt snin huma bla ħlas.

Formoli

Ikklikkja fuq u agħżel mil-lista fuq il-lemin

Identity Malta Agency

Ħinijiet tal-Ftuħ

Taqsima Tal-VIŻA – Malta

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-08:00am sa 02:00pm

Taqsima Tal-VIŻA – Għawdex 

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-08:00am sa 12:30pm